Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jneħħilek is-sena żejda bolla li żiedlek il-Gvern Laburista fil-Budget biex tieħu l-pensjoni.
Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jara li pajjiżna jiżviluppa u jimraħ mingħajr ma jbati ħadd. Bit-tibdil fil-mudell ekonomiku, jara li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom pajjiż li jridu jgħixu fih, mhux pajjiż fgat bit-tniġġis fl-arja u fil-baħar.
Il-Partit Nazzjonalista mhux biss irid li l-poplu jkun fiċ-ċentru tal-politika, imma jridu jkun parti sħiħa mid-deċiżjonijiet dwar id-direzzjoni li jrid jieħu dan il-pajjiż.
Waqt l-ewwel sessjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali bit-tema Malta Żagħżguħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien intervistat mill-ġurnalisti Ruth Amaira minn TVM, Matthew Xuereb minn Newsbook u Marianna Calleja mill-gazzetta Illum.
Mistoqsi dwar kif se jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-Maltin u b’referenza anke għall-pensjonijiet, Bernard Grech qal li waħda mill-ewwel affarijiet li jagħmel Gvern ġdid Nazzjonalista tkun li jaqta’ s-sena żejda ħlas tal-bolla li żied il-Gvern fil-budget.
Hu qal li għalhekk wieħed ma jkollux għalfejn jaħdem sena żejda biex jieħu l-pensjoni sħiħa.
Bernard Grech qal li huwa ċar li n-nies trid bidla fid-direzzjoni. Għalhekk pajjiżna jeħtieġ ukoll jibdel il-mudell ekonomiku tiegħu. It-tibdil irid ikun bi pjan u mhux b’mod li jaqleb l-affarijiet ta’ taħt fuq mil-lum għal għada. Jeħtieġ pjan b’direzzjoni u l-Kap tal-PN qal li se jkun qed jispjega aktar dwar dan fid-diskors tiegħu tar-replika għall-budget għada fil-Parlament.
Mistoqsi dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar l-iżvilupp f’pajjiżna u dwar il-kwistjoni ta’ Villa Rosa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-PN dejjem emmen li l-iżvilupp tal-pajjiż hu kruċjali.
L-iżvilupp, madanakollu, irid ikun ta’ benefiċċju għal kulħadd u mhux żvilupp li jagħti vantaġġ lill-ftit u jiżvantaġġa lill-kumplament tal-poplu.
Il-pjanijiet lokali jista’ jkun hemm lok ta’ reviżjoni tagħhom. Iżda dawn ma jiġux imbiddla mill-Prim Ministru wara dahar kulħadd u biex jaġevola żvilupp wieħed. Jekk għandhom jinbidlu, dawn jinbidlu fi proċess trasparenti u minn persuni kompetenti.
Mistoqsi kellux laqgħat mal-iżviluppaturi ta’ Villa Rosa, Bernard Grech qal li l-politiċi jridu jkunu aġġornati dwar żviluppi fil-pajjiż u għandhom l-obbligu li jaraw li l-pajjiż javvanza. Hu obbligu tal-politiċi li jiltaqgħu ma’ kulħadd. Iżda ta l-garanzija li minkejja l-laqgħat li jkollu, hu fl-ebda ħin mhu se jibdel il-prinċipji tiegħu biex jakkomoda lil xi ħadd minn wara dahar il-poplu.
Mistoqsi rċeviex donazzjonijiet mingħand l-iżviluppaturi u jkunx hemm kundizzjonijiet marbutin ma’ dawn id-donazzjonijiet, Bernard Grech wieġeb li hu ma ħa l-ebda donazzjoni u kull donazzjoni li tidħol tmur għand il-partit u tinħareġ irċevuta uffiċjali għaliha. U jekk hawn xi ħadd li jaħseb li għax jagħti xi donazzjoni lill-Partit Nazzjonalista, il-PN se jieħu deċiżjonijiet differenti, mhux qed jifhem u ma jafx sew lill-PN.
Dwar l-isfidi li ssemmew fis-sondaġġ tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji li ħareġ fl-aħħar jiem, Bernard Grech qal li l-aktar ħaġa li ħassbitu hi li 80% tal-membri li wieġbu għal dan is-sondaġġ qalu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni l-ħażina.
Hu qal li l-Gvern qed jinjora problemi kbar li jeżistu fl-infrastruttura tal-pajjiż, fit-toroq u t-traffiku, fid-drenaġġ, fil-provvista tad-dawl, u dan kollu jxekkel u jnaffar l-investiment.
Il-Partit Nazzjonalista ta s-soluzzjonijiet lill-Gvern dwar diversi oqsma, iżda l-Gvern Laburista qed ikompli jinjora l-problemi tal-pajjiż u l-budget bit-tema Pajjiż ta’ Kwalità kien kompletament għeri mis-soluzzjonijiet għall-problemi li qed niffaċċjaw ilkoll kuljum.
Waħda mill-mistoqsijiet kienet dwar il-fatt li l-partiti qegħdin dejjem aktar qrib xulxin fis-sondaġġi, iżda li d-distakk bejn il-mexxejja għadu hemm.
Bernard Grech qal li bħalma missier jara l-ewwel u qabel kollox li tavvanza l-familja, hekk hu l-ewwel obbligu tiegħu hu li jara li javvanza l-Partit Nazzjonalista, u qal li jekk wieħed iħares lejn kif naqas id-distakk bejn iż-żewġ partiti, jindika ċar li l-ħidma tiegħu qed tħalli l-frott mixtieq.
Bernard Grech kien mistoqsi dwar il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-kannabis u l-abort.
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista kien wissa lill-Gvern dwar il-liġi tal-kannabis, u issa qed naraw kif esperti fil-qasam qed jikkonfermaw li minn mindu daħlet fis-seħħ din il-liġi, il-problema tal-abbuż kibret.
Gvern ġdid Nazzjonalista jemenda l-liġi biex tissalvagwardja liċ-ċittadini kollha, u tnaqqas l-abbuż li mhux qed jiġi kkontrollat.
Huwa qal li fi ħdan il-PN mhux kulħadd għandu l-istess ħsieb dwar l-abort iżda hemm qbil dwar sett ta’ punti u l-Partit Nazzjonalista jibqa’ favur il-ħajja.
Dwar il-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali u dwar il-kontijiet tal-partit, Bernard Grech qal li dawn huma żewġ proċessi li għadhom għaddejjin. Hu qal li hemm diversi persuni li jikkwalifikaw għall-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali u dan il-proċess se jkun qed jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin.
L-istess ukoll il-proċess dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-Partit li qal li jixtieq li jitħaffef ftit iżda li jifhem ukoll li l-proċess issa jinsab quddiem l-awditur.
Hu qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista qed jara li juża l-assi tiegħu bl-aħjr mod possibbli u li żgur mhux qed jabbuża mill-poplu billi għall-iżbalji tiegħu jġiegħel lill-ħaddiema Maltin iħallsu minn bwiethom il-kumpens mitlub mill-Qorti. Hu kien qed jirreferi għal sentenzi tal-Qrati li talbu lill-istat iħallas għal abbużi fi proprjetà mill-Partit Laburista.
Dwar il-pożizzjoni tal-PN fuq Glenn Micallef, li għada se jkollu l-grilling mill-MEPs qabel ma jkun ikkonfermat Kummissarju Ewropew, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista kien minn tal-ewwel li awgura lil Micallef, iżda jibqa’ mħasseb dwar il-fatt li l-Gvern tilef opportunità unika li pajjiżna jkollu l-ewwel Kummisarju Ewropew għall-Mediterran.
Fl-għeluq tiegħu, Bernard Grech qal li t-triq ’il quddiem hi t-triq li se jiddeċiedi l-poplu flimkien mal-PN. Hu sejjaħ lill-Maltin u l-Għawdxin biex ikunu mal-Partit Nazzjonalista fid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu u qal li għada fil-Parlament se jitkellem għal dawk kollha li jixtiequ jgħixu f’Malta Żagħżugħa.
L-ewwel sessjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali Malta Żagħżugħa li saret fil-lukanda Radisson Blu Resort, San Ġiljan, infetħet miċ-Chairperson tal-Kumitat Eżekittiv Joseph Grech li qal li l-Partit Nazzjonalista ma jibżax mill-bidla, u li biex Malta tkun verament żagħżugħa, jeħtieġ li kulħadd ikun protagonist.
Wara l-ftuħ tas-sessjoni nqraw il-minuti mit-Teżorier tal-Parit Nazzjonalista Veronica Perici Calascione.
Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jkompli fi tmiem il-ġimgħa li ġejja.
//= $special ?>