Lokali

Il-jasar tal-ħsieb tal-edukaturi jkompli jherri li baqa’ mid-demokrazija – Repubblika

Repubblika tissieħeb fis-solidarjetà espressa minn ħafna mal-għalliema impjegati fl-iskejjel tal-gvern li għadhom kif ġew ordnati jitolbu l-permess tal-ministru jekk qatt jiġu biex ikellmu lill-midja. Id-direttiva l-ġdida ma tippermettilhomx jesprimu ebda forma ta’ opinjoni jekk mhux biex jippromwovu l-politika tal-ministru u ma jista’ jkollhom ebda fehma li l-ministru jiddeċiedi li hi fehma politika differenti minn tiegħu.

Dan hu oltraġġ ieħor għad-demokrazija. L-edukaturi huma xhieda importanti tal-ħtiġijiet għall-futur ta’ pajjiżna. Il-fehmiet tagħhom u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fid-demokrazija tagħna hi xi ħaġa li ma nistgħux noqogħdu mingħajrha.

Ma jistax ikun li kategorija sħiħa ta’ nies li huma tant viċin it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna ma jitħallewx jesprimu l-fehmiet tagħhom u minflok jissikktu għal kollox. L-edukaturi għandhom ikunu ta’ eżempju għat-tfal tagħna biex ma jibżgħux jitkellmu b’mod kritiku, ma jiddejqux jieħdu sehem fil-ħajja pubblika tal-komunità, u ma joqogħdux lura milli jippromwovu ideat ġodda li jkunu għadhom ‘il bogħod mill-politika tal-gvern tal-ġurnata.

Nissieħbu fl-appell biex din id-direttiva faxxista titneħħa.