Il-poplu fil-Moldova, fl-aħħar sigħat, ivvota fit-tieni rawnd deċiżiv għall-Presidenza tal-pajjiż u meta l-vot qed jitqies bħala għażla popolari u ċara bejn il-futur tal-Istat bħala membru tal-Unjoni Ewropea inkella jekk l-Istat jispiċċax aktar taħt l-influwenza tar-Russja.
Il-President tal-Moldova, Maia Sandu, hi favur li l-Moldova tintegra sew mal-Istati membri l-oħrajn tal-UE u meta f’din l-elezzjoni, qed jisfidaha Alexandr Stoianoglo, li kienet keċċietu mir-rwol ta’ Prosekutur Ewlieni – kandidat li qed iwiegħed biex jibbilanċja l-politika barranija bejn il-Punent u r-Russja u li għandu s-sostenn ‘indiskutibbli’ tal-Partit Soċjalista (tal-Moldova) appoġġjat minn Moska.
Sandu u l-awtoritajiet f’Chisinau, fl-istess ħin, wissew li Ilan Shor, oligarku li ħarab mill-Moldova lejn ir-Russja, li qed jipprova jixtri u jimmanipula din l-elezzjoni biex ir-riżultat jiffavorixxi lill-Kremlin.
Dan wara li fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni spikkat l-iskema komprensiva għax-xiri tal-voti fuq l-inizjattiva ta’ Shor – aġir li skont ħafna nies fil-Moldova kien intiż biex ‘jiċħadhom mill-futur li jridu huma bħala membri tal-familja Ewropea’.
Ir-Russja ċaħdet li qed tindaħal fil-vot tal-Moldova u wara li Moska kien ċaħad ukoll li prova jimmanipula l-elezzjonijiet ta’ jiem ilu fir-Repubblika ta’ Ġorġja – proċess li kien imfisser bħala ‘proġett ta’ manipulazzjoni speċjali għall-iskopijiet ta’ Moska’.
Intant, l-osservaturi qablu li, irrispettivament minn dak li qed jgħidu l-kelliema għall-Kremlin, ir-Russja għandha kull interess li tevita sitwazzjoni fejn il-Moldova tifforma parti mill-UE.
Maia Sandu, ġimagħtejn ilu, kienet rebħet l-ewwel rawnd tal-elezzjoni bi kważi 43 fil-mija tal-vot – u b’vantaġġ sostsanzjali fuq Alexandr Stoianoglo li kiseb biss 26 fil-mija tal-appoġġ popolari,
Madankollu, Sandu bilfors kienet teħtieġ li taqbeż il-50 fil-mija tal-appoġġ biex tiffissa d-direzzjoni ta’ pajjiżha lejn l-UE u mistenni li l-voti, din id-darba, jiżdiedu għal Stoianoglo peress li hu qed igawdi l-appoġġ tal-kandidati l-oħrajn li fallew mit-tragwardi rispettivi waqt l-ewwel rawnd tal-proċess elettorali.
Min-naħa tagħha, Sandu qed twissi lill-poplu tal-Moldova dwar ‘il-ħallelin li jridu jixtru u jisirqu l-voti tan-nies’ għall-iskaptu tal-pajjiż kollu. U wara li hi tefgħet il-vot f’Chisinau, Sandu ħeġġet lill-elettorat biex jippreserva l-indipendenza tar-Repubblika.
Intant, Stoianoglu wiegħed biex ikun ‘il-President ta’ kulħadd u mingħajr distinzjoni bejn id-denominazzjonijiet politiċi’. Hu tenna li jrid jara Repubblika tal-Moldova li tkompli tiżviluppa fi spirtu ta’ armonija mal-Punent kif ukoll mal-Lvant.
Iżda l-kummentaturi u l-analisti wissew li rebħa għal Stoianoglu għandha tibdel radikalment is-sistema politika mhux biss fil-Moldova iżda anki fir-reġjuni tad-Danubju u l-Baħar l-Iswed. Dan minħabba li r-Russja qed tappoġġja bis-sħiħ lil dan il-kandidat li x’aktarx spiċċa hu wkoll immanipulat mill-Kremlin.
Il-Moldova – Eks Repubblika Sovjetika – taqsam fruntiera mal-Ukrajna u r-Rumanija u hi fost l-ifqar pajjiżi tal-Ewropa. F’dan il-pajjiż qed jgħixu mat-2.5 miljun u meta fl-elezzjoni kienu wkoll eliġibbli biex jivvutaw mal-1.2 miljun eks patrijati li l-vot tagħhom kapaċi jkun kruċjali ħafna għall-ambizzjonijiet tal-President Sandu.
Il-President tal-Moldova, intant, fetħet it-taħditiet dwar is-sħubija ta’ pajjiżha fl-UE u meta l-maġġoranza tal-poplu qed jidhru favur li l-Kostituzzjoni tinbidel b’mod li tappoġġja l-impenji lejn din is-sħubija.
//= $special ?>