Raġel ta’ 33 sena ta’ nazzjonalità Libjana nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi li fera lil raġel ieħor. Huwa tressaq ukoll quddiem il-Qorti talli ma informax l-awtoritajiet li kien biddel l-indirizz tiegħu.
Il-ġlieda seħħet f’residenza fi Triq Sant’Enriku, Tas-Sliema, fis-sigħat bikrin tat-2 ta’ Novembru, fejn il-Pulizija sabu l-akkużat u l-vittma quddiem għadira demm. Skont l-Ispettur Michael Vella, iż-żewġt irġiel kienu involuti f’argument li fih intużat sikkina.
Ir-raġel akkużat u l-allegat vittma ġew arrestati għall-ħabta tal-5:45am u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura, bil-vittma għadu rikoverat, filwaqt li l-akkużat ħareġ l-istess ġurnata.
L-avukat tad-difiża talab għall-ħelsien mill-arrest, billi qal li l-klijent tiegħu allega li ġie attakkat waqt li kien rieqed u li ddefenda lilu nnifsu biss. L-Ispettur Vella oġġezzjona għal dan, billi sostna li l-allegat vittma kien għadu l-isptar u li hemm riskju li l-akkużat jista’ jxekkel ix-xhieda jew jersaq lejn il-vittma.
Il-Prosekutur Valentina Cassar żiedet li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, l-akkużat jerġa’ jgħix fl-istess indirizz mas-suppost vittma, li seta’ jwassal għal kunflitt ieħor.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Maġistrat Nadia-Helena Vella ċaħdet il-ħelsien mill-arrest u żammet lir-raġel taħt arrest sakemm l-allegat vittma jkollu ċans jixhed.
//= $special ?>