Ir-Re Felipe VI ta’ Spanja kellu jiffaċċja l-gruppi tan-nies irrabjati u mnikktin waqt żjara li hu kien qed jagħmel fir-reġjun ta’ Valencia – reġjun li jiem ilu ġarrab l-impatt tal-għargħar storiku li ssarraf f’aktar minn 200 vittma.
Ir-residenti ta’ Valencia jemmnu li ħafna mill-vittmi kienu jsalvaw li kieku ma kenitx għat-‘traskuraġni u n-negliġenza’ tal-awtoritajiet ikkonċernati li jaħsbu li damu wisq biex joħorġu t-twissijiet dwar il-periklu. Punt ieħor għall-għadab tan-nies hu li l-awtoritajiet ma tawhomx biżżejjed appoġġ fil-jiem ta’ wara l-għargħar. Intant, ir-Re Felipe spiċċa wiċċ imb wiċċ ma’ folla li bdiet tgħajru ‘qattiel’ fost il-mistoqsijiet għalfejn ‘ma kien seħħ xejn li seta’ jevita traġedja fuq dik l-iskala’.
L-akbar inċidenza ta’ għargħar għal 100 sena fi Spanja ħalliet numru kbir ta’ distretti u neighbourhoods koperti bil-gliegel tat-tajn fost il-widien ta’ qerda, inklużi ‘għoljiet’ tal-karozzi maqlubin fuq xulxin kull fejn wieħed iħares.
Sadanittant, għadha għaddejja t-tfittxija għal ħafna nies li ma dehrux aktar fil-ħin meta r-reġjun ta’ Valencia u l-madwar intlaqatu mill-għargħar dovut għall-ekwivalenti ta’ ‘xhur ta’ xita’ f’qasir żmien. It-tfittxija għal aktar vittmi qed tkompli fil-car parks ta’ taħt l-art u fil-mini tar-reġjun u meta qed tbatti dejjem aktar it-tama li wħud min-nieqsa jistgħu jinstabu ħajjin.
Intant, ir-Re Felipe u martu, ir-Reġina Letizia, kienu qed iżuru lill-belt ta’ Piaporta, li hi fost l-agħar zoni affettwati mill-għargħar u bil-filmati juruhom mexjin mit-triq fost l-għajjat ostili tal-folol. It-tensjoni ma naqsitx u meta kien hemm anki xi dimostranti li tefgħu t-tajn u xi oġġetti fid-direzzjoni tar-Re.
Dan ukoll wara li l-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, ħareġ direttivi għat-trasferiment ta’ xi 10,000 truppi, uffiċjali tal-pulizija u gwardjani ċivili lejn iz-zoni mgħarrqin u bħala l-akbar rilokazzjoni ta’ dan it-tip fi żmenijiet ta’ paċi. Sanchez, fl-istsess ħin, irrikonoxxa li r-reazzjoni għat-traġedja mill-awtoritajiet ma kenitx biżżejjed waqt li ammetta dwar ‘diversi problemi u nuqqasijiet’ fiċ-ċirkustanzi.
//= $special ?>