Il-Prim Ministru Robert Abela jew misinformat jew qiegħed jigdeb.
It-Tnejn filgħodu, fuq l-għatba tal-Qorti, Abela gideb b’mod mill-aktar sfaċċat b’rabta mar-reklam li deher għal aktar minn darba fuq il-PBS lejlet il-budget… fejn il-Mexxej tal-Labour qal li hu fehem u sema’ lill-poplu, u li issa jrid jimxi għal ekonomija ta’ kwalità u mhux ta’ kwantità.
Minnufih, il-Partit Nazzjonalista fetaħ proċeduri legali l-Qorti minħabba żbilanċ politiku fuq ix-Xandir tal-Istat.
Mistoqsi minn Net News jekk fil-fehma tiegħu dan kollu kienx illegali, Robert Abela gideb li dan l-istess spot ixxandar fuq Net Television meta wieħed jista’ faċilment jivverifika li dan mhux vera bit-teknoloġija tal-catchup, jew b’netondemand.
Agħar minn hekk huwa gideb li Net Media tħallset €1,500 ta’ dan l-ispot – dan meta hemm korrispondenza bil-miktub li tikkonferma li dan l-istazzjon irrifjuta li dan ir-reklam partikolari jidher fuq it-televiżjoni.
Ħafna qed jistaqsu kif Abela jista’ jitwemmen la darba qed jigdeb fuq każ sempliċi bħal dan li jista’ jiġi verifikat b’mod liberu.
Il-kwistjoni tar-reklami tal-PBS ma waqfitx hawnhekk, hekk kif l-Imħallef Miriam Hayman ordnat lit-tmexxija tal-PBS sabiex b’mod temporanju r-reklami b’rabta mal-Budget jieqfu jiġu mxandra. Madanakollu, sal-Ħadd stess ix-Xandir Pubbliku injora kompletament l-ordni tal-Qorti.
Mistoqsi dwar dan, Abela għażel li jaħrab totalment milli jwieġeb.
Intant, is-smigħ ta’ din il-kawża tal-PBS mistenni jsir nhar l-Erbgħa, 6 ta’ Novembru.
//= $special ?>