Lokali

“Flimkien nistgħu nimxu għal paġna u politika ġdida” – Bernard Grech

“Flimkien, poplu Malti u Għawdxi wieħed, nistgħu nimxu għal paġna friska u politika ġdida. Aħna, il-Partit Nazzjonalista, qiegħed hawn biex nieħdu dan il-pajjiż f’direzzjoni ġdida.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista quddiem il-Parlament it-Tnejn filgħaxija wara li indirizza r-replika tal-budget.

Huwa saħaq li Malta teħtieġ Gvern li jkun iffukat fuq il-prijoritajiet tal-pajjiż, Gvern li jantiċipa x-xejriet ekonomiċi u jsawwar ġejjieni li grazzi għal pjan b’reqqa, mhux biss jaħtaf l-opportunitajiet imma jkun qiegħed jgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Bernard Grech saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti fl-edukazzjoni u f’inizjattivi soċjali filwaqt li jindirizza l-isfidi b’azzjoni tanġibbli.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-familji Maltin u Għawdxin jeħtiġilhom Gvern li jaħdem għal ġejjieni tagħhom filwaqt li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet.

Fost oħrajn, Bernard Grech sostna li taħt Gvern ġdid Nazzjonalista l-Korp tal-Pulizija ma jħares lejn wiċċ ħadd, korp li l-liġi japplikaha għal kulħadd u li ma jimpurtahx mill-konsegwenzi tal-Gvern tal-ġurnata.

Dan filwaqt li indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet ix-Shadow Minister tal-Finanzi, Graham Bencini fejn insista li Malta għandha bżonn Gvern ta’ kwalità, Gvern li jaċċerta u jserraħ l-imħuħ tal-investituri biex jixpruna ekonomija soda għal familji Maltin u Għawdxin, fost oħrajn b’infrastruttura adegwata.

Huwa saħaq li l-budget imħabbar il-ġimgħa l-oħra ċertament ma kienx wieħed li indirizza l-problemi serji li qed iħabbat wiċċu magħhom dan il-pajjiż, budget li minkejja li kellu tnaqqis fit-taxxa li huwa pożittiv – għandna ekonomija li qed jaffaċċja tbassir xejn pjaċevoli.

Dan hekk kif spjega li bħalissa għandna dejn rekord u allarmanti, tbassir li qed jistma li sal-2027 pajjiżna se jaqbeż it-€13-il biljun.