Internazzjonali

Għajnejn id-dinja fuq l-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti

Ritratt: CNN

Fil-jiem li ġejjin għajnejn id-dinja se jkunu fuq l-Istati Uniti hekk kif l-elezzjoni Presidenzjali se twassal għal bidla fil-Presidenza – elezzjoni li kapaċi taffettwa l-kumplament tad-dinja.

Proprju ġurnata qabel il-votazzjoni, Kamala Harris u Donald Trump kienu għaddejjin bl-aħħar rankatura tal-kampanja elettorali.

Skont it-tbassir l-aktar ricenti, iż-żewġ kandidati jinsabu ras imb ras. U allura dan ifisser li kollox huwa possibbli f’din l-elezzjoni.

Fl-aħħar jum tal-kampanja elettorali, Kamala Harris qattgħet il-jum tat-Tnejn fl-istat ta’ Pennsylvania li huwa magħruf bħala wieħed mill-iswing states. Dan sabiex tattira s-sapport ta’ aktar votanti. Infatti din hija t-tmintax-il darba li Harris żaret dan l-istat matul din il-kampanja.

Dan l-istat għandu 19-il electoral college votes u allura dan ifisser li Pennsylvania se tagħmel impatt fuq ir-riżultat elettorali. Imbagħad, wara Pennsylvania, Kamala Harris se tindirizza rally li se jsir f’Pittsburgh.

Min-naħa l-oħra, Donald Trump se jkun qed jattendi rallies fi tliet stati differenti li huma North Carolina, Pennsylvania u Michigan.

Sa issa diġà vvutaw 75 miljun persuna. L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika għadu qed juri li ż-żewġ kandidati għadhom ras imb ras.

Intant, espert li bassar ir-rebħa tal-Presidenza disa’ darbiet minn għaxra, jemmen li se tkun Kamala Harris li se tirbaħ iċ-ċwievet għall-White House. L-espert qal li t-tbassir tiegħu sar permezz ta’ lista li tmur lil hinn mill-istħarriġ.

L-indikazzjonijiet sa issa huma li Trump għandu vantaġġ marġinali f’Pennsylvania, North Carolina, Georgia u Arizona. Kamala Harris minn naħa tagħha qed iżżomm vantaġġ f’Michigan u Wisconsin.

Ir-riżultati mistennija joħorġu kmieni l-Erbgħa filgħodu, ħin ta’ Malta. Net TV se jwassal programm speċjali l-għada tal-votazzjoni, li jibda fis-6am.