Ewropa Lokali

Glenn Micallef jgħaddi mill-grilling li sarlu fil-Parlament Ewropew

Wara grilling ta’ tliet sigħat Glenn Micallef ġie approvat bħala Kummissarju Ewropew taż-żgħażagħ, il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, l-isport u l-kultura.

Huwa għadda mill-grilling wara li kien hemm konferma ta’ tal-anqas żewġ terzi mill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew li kienu preżenti.

Is-smigħ beda għall-ħabta tas-2:30 u dam għaddej għal madwar tliet sigħat fejn matulu Glenn Micallef wieġeb d-domandi tal-MEPs – iżda s-sentiment kien li Micallef kien wisq ġeneriku fit-tweġibiet tiegħu.

Matul is-smigħ Glenn Micallef saħaq fuq l-importanza li l-isport ikun aċċessibli wkoll għal dawk il-persuni li jinsabu fi żvantaġġ u li miżura bħal din m’għandiex tkun implimentata biss f’livell Ewropew iżda anke f’livell nazzjonali.

B’rabta mal-fatt li wħud mill-istituzzjonijiet ma baqgħux jingħataw il-fondi tal-Erasmus+ Glenn Micallef prova jaħrab milli jwieġeb – iżda wara li l-Membru Parlamentari Ewropew qallu b’mod l-aktar ċar li ma weġibx, Micallef spiċċa kellu jindirizza l-istituzzjonijiet inkwistjoni.

Meta kien mistoqsi dwar il-multi-lingwiżmu Glenn Micallef indirizza lil dawk preżenti bil-Malti. Hawnhekk huwa qal li l-importanza tal-multi-lingwiżmu għandu jiġi kkunsidrat fid-diskussjonijiet b’rabta mal-budget tal-Ewropa għas-snin li ġejjin.

Fl-aħħar rawnd tal-grilling fejn tressqu il-mistoqsijiet tagħhom il-Kumitati tal-Parlament Ewropew, huma bdew isaqsu għal aktar eżempji konkreti għaliex fit-tweġibiet li ntbgħatu bil-miktub ma kinux sodisfatti. Dan hekk kif skont l-MEPs Glenn Micallef ma pprovdiex risposti fid-dettall bil-miktub iżda matul il-grilling għal darb’oħra kien ġeneriku.

Infatti, il-membri fil-mistoqsijiet tagħhom bdew jitolbu għal aktar dettall b’rabta ma’ suggetti li diġa’ ġie kien mistoqsi dwarhom.

Intant, wara li jkunu nstemgħu l-Kummissarji nominati ssir l-evalwazzjoni dwarhom…. b’dan il-proċess għandu għaddej sal-21 ta’ Novembru li ġej. B’kollox iridu jinstemgħu 26 kummissarju nominati.

Id-deċiżjoni finali dwar jekk għandhiex tiġi approvata l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida mistennija li tingħata bejn il-25 u t-28 ta’ Novembru wara dibattitu li se jsir fil-Parlament Ewropew.