Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) saħqet li hemm bżonn aktar attenzjoni fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Filwaqt li laqgħet il-miżuri tal-Budget tal-2025 li jitneħħa l-VAT minn prodotti sanitarji għan-nisa, li jitjieb il-bonus għal dawk li ma jikkwalifikawx għal pensjoni sħiħa, u li jintroduċi inċentivi biex tiżdied ir-rata ta’ fertilità ta’ Malta, l-NCPE tenniet li hemm bżonn aktar attenzjoni fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
L-NCPE saħqet li t-tneħħija tal-VAT minn fuq prodotti sanitarji u minn fuq oġġetti mediċi relatati mal-kanċer għan-nisa tirrappreżenta pass importanti lejn it-tnaqqis tal-piż finanzjarju li n-nisa jiffaċċjaw bħala konsumaturi.
Il-Kummissjoni tispjega li l-miżura biex jingħata bonus sostanzjalment ogħla lill-individwi li ħallsu xi kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Nazzjonali iżda li ma jikkwalifikawx għal pensjoni sħiħa, għandha dimensjoni qawwija ta’ ġeneru, peress li dan il-grupp huwa prinċipalment magħmul minn nisa. Bl-inizjattiva, skont l-NCPE se tgħin biex tnaqqas id-differenza sostanzjali fil-pensjonijiet bejn il-ġeneru f’Malta kif ukoll il-faqar fost in-nisa anzjani.
Intant, l-NCPE għadha kemm lestiet studju ta’ riċerka dwar il-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet tan-nisa u l-irġiel ta’ età riproduttiva rigward il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’enfasi speċifika dwar id-daqs tal-familja.
Fi stqarrija ppublikata l-NCPE qalet li bħalissa, ir-rata totali ta’ fertilità (TFR) f’Malta hija ta’ 1.13, l-aktar waħda baxxa fost l-Istati Membri kollha tal-UE.
Bir-riżultati juru li, filwaqt li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jesprimu x-xewqa li jkollhom aktar tfal, hemm diżappunt dwar it-tul u l-livelli ta’ kumpens tal-politiki eżistenti dwar il-leave. Ir-riċerka turi wkoll sejħa qawwija għal leave itwal imħallas, inkluż leave tal-maternità, leave tal-paternità, u leave tal-ġenituri, kif ukoll leave speċifiku għal ġenituri meta t-tfal ikunu morda.
F’dan il-kuntest, l-NCPE tappella lill-gvern biex jindirizza dawn ir-riżultati billi jsaħħaħ il-miżuri tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’mod partikolari permezz ta’ leave tal-ġenituri itwal u b’kumpens aħjar.
//= $special ?>