Lokali Qorti

Id-dmir tal-Avukat tal-Istat hu li jipproteġi lill-poplu

Minkejja li l-funzjoni tal-Avukat tal-Istat hija bħala Avukat tal-Gvern, skont il-liġi, l-Avukat tal-Istat qiegħed hemm biex jiddefendi lill-poplu Malti u Għawdxi li ġie ffrodat mid-deal ta’ Vitals u Steward kif għal darba darbtejn ikkonkludew il-Qrati Maltin, xi ħaġa li ma saritx u għalhekk id-dmir li kellu li jaġixxi baqa’ ma għamlux.

Dan ħareġ fit-tratazzjoni tal-Avukat Edward Debono f’isem il-Partit Nazzjonalista, li ressaq appell fil-Qorti sabiex jiżgura li l-Avukat tal-Istat jaġixxi fid-dawl tal-frodi tal-isptarijiet, ħalli l-pajjiż jieħu lura l-€400 miljun li ngħataw mill-Gvern lil Vitals u Steward.

Dan wara li fil-11 ta’ Lulju l-Qorti preseduta mill-Imħallef Toni Abela tat id-deċiżjoni tagħha fil-kawża kontra l-Avukat tal-Istat Chris Soler, fejn ġie dikjarat li l-Avukat tal-Istat għandu bżonn il-premess tal-Prim Ministru biex jaġixxi. Iżda f’dan l-appell, il-PN qed jinsisti li “huwa fid-dmir tal-Avukat tal-Istat li jaġixxi fl-interess pubbliku, u m’għandux ikun suġġett għad-direzzjoni jew għall-kontroll ta’ ebda persuna jew awtorità”.

Biex iressaq pożizzjoni b’saħħitha f’dan l-appell, il-PN preżenta numru ta’ dokumenti, fejn fost l-oħrajn jiġi kwotat il-Ministru Owen Bonnici jgħid li “l-Avukat tal-Istat huwa Avukat tal-Istat kollu u mhux tal-Gvern biss”.

“Aħna nippretendu li din il-kwistjoni kollha mhix kwistjoni ta’ aġendi moħbija imma hi aġenda li għandu jmexxi l-avukat tal-istat. Allura f’dan il-kuntest li titlob il-liġi, li wieħed jiddeffenfi l-poplu Malti, allura m’għandhiex tiġi mxekkla.

“Il-pożizzjoni Kostituzzjonali tal-Avukat tal-Istat hi li timponi fuq azzjoni u mhux nuqqas ta’ azzjoni. Biex l-avukat tal-istat jieħu l-iżbriga, dawk li għaddejjin minn kumpilazzjoni għandhom jirrispondu wkoll ċivilment għan-nuqqasijiet tagħhom.,” qal l-Avukat Debono.

Kompla jgħid li l-azzjoni kriminali hija indipendenti mill-azzjoni ċivili, kundanna kriminali hija prova aktar stretta milli wieħed jrid jġiħd, u sostna li l-Avukat tal-Istat ma jistax jibqa’ jinħeba li huwa l-avukat tal-Gvern. Iva skont il-liġi huwa Avukat tal-Gvern, imma l-liġi tgħid ukoll li jrid jirrappreżenta lil-istat meta ma jkunx qed jimxi kif suppost.

L-Avukat Debono staqsa kif kabinett jista’ jmur kontra wieħed minn tagħhom, b’aċċenn għal xi wħud mill-akkużati fuq il-frodi tal-isptarijiet kienu parti mill-kabinett. Saħaq li l-Avukat tal-Istat irid jara l-interess pubbliku u għandu jaġixxi biex il-poplu Malti u Għawdxi jerġa’ jieħu lura d-danni li sofra, minn nies li suppost aġixxew b’mod differenti u ta’ salvwagrdja għan-nazzjon Malti u mhux interessi oħrajn.

Dr. Debono tenna li mhux korrett l-avukat tal-istat meta jgħid li huwa suġġett għal dak li jgħidlu l-Gvern tal-ġurnata. Tant il-funzjoni tiegħu hi importanti li dan huwa maħtur bidż-żewġ terzi. Għaldaqstant huwa għandu jkun indipendenti u mhux taħt it-takkuna tal-kabinett, li fi ħdanu hemm l-istess membri tal-Gvern li aġixxew bi frodi u kollużjoni ma’ terzi.

L-appell ta’ 22 paġna jirreferi għal dak li jgħidu l-Kostituzzjoni u l-Liġijiet ta’ Malta. U jingħad li l-Avukat tal-Istat għandu jaġixxi fil-ġudizzju individwali tiegħu u m’għandux ikun suġġett għad-direzzjoni jew għall-kontroll ta’ ebda persuna jew awtorità oħra”.

Meta ġie biex jirribatti, l-Avukat Chris Soler tkellem dwar kemm kienet korretta d-deċiżjoni tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u l-l-Gvern irid iħares lejn l-interessi tal-klijent tiegħu filwaqt li ssemma wkoll il-fatt li l-akkużati tad-deal frawdolenti għadhom preżunti innoċenti minħabba li l-każ tagħhom għadu għaddej.

Ir-rikors tressaq mill-Avukat Edward Debono u s-Segretarju Ġenerali tal-PN f’isem il-Kap tal-PN Bernard Grech u x-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia.  

L-Avukat tal-Istat Chris Soler, flimkien mal-avukati James D’Agostino u Julian Farrugia, irrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat filwaqt li l-avukati Ian Borg, Maurizio Cordina u Chris Cilia rrappreżentaw lill-Gvern ta’ Malta u lill-Kabinett tal-Ministri.  

L-appell qed jinstema’ quddiem il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul li infurmaw lill-partijiet li s-sentenza se tingħata nhar it-Tnejn 2 ta’ Diċembru, fit-8.15am.