Lokali

“Il-Gvern Laburista jkompli jinħeba wara l-legaliżmi” – Il-PN

Il-Ministru Camilleri jibqa’ jirrifjuta li jippubblika l-korrispondenza kollha u l-minuti kollha tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar

Il-Partit Nazzjonalista spjega li l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri qed jibqa’ jirrifjuta li jippreżenta l-korrispondenza kollha u l-minuti sħaħ tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar ir-reviżjoni parzjali tal-Pjan Lokali għall-Portijiet tat-Tramuntana ta’ Malta, u b’mod speċifiku fir-rigward taz-zona tax-Xatt ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan.

Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Rebekah Borg u Stanley Zammit qalu li dan qed jagħmlu minkejja li waqt il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp li saret nhar it-23 ta’ Ottubru, wara insistenza tal-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, il-Ministru Camilleri ntalab bl-aktar mod ċar u aktar minn darba sabiex jagħmel dan.

Waqt l-istess laqgħa, il-Ministru Camilleri kkonferma dak li diġà kienet żvelat il-midja, u ċjoè li l-proċess għat-tibdil fil-Pjan Lokali nbeda fuq struzzjonijiet tiegħu wara li l-Gvern ġie ppreżentat bi proġett ta’ żvilupp, kif ukoll wiegħed li kien se jiċċekkja x’tgħid il-liġi dwar il-pubblikazzjoni tad-dokumenti mitluba.

Fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari, il-Ministru Camilleri kompla jinħeba wara l-legaliżmi biex jevita milli jippubblika din l-informazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar u jenfasizza li Malta rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li tassigura li dokumenti ta’ ppjanar marbuta mal-ambjent, l-użu tal-art, u l-iżvilupp ikunu aċċessibbli għall-pubbliku. It-trasparenza u l-kontabbiltà huma essenzjali fil-proċess tal-ippjanar, speċjalment f’dak urban, u huma kruċjali għall-ħarsien ambjentali.

B’dan il-ħabi ta’ informazzjoni, il-Gvern qed imur kontra r-Riżoluzzjoni Parlamentari nru. 315 li tgħid li l-Ministru kellu “jagħti l-informazzjoni u d-dokumenti li jkunu meħtieġa” u li wara kollox il-Gvern ukoll qabel magħha,  imma qed jinjora wkoll konvenzjoni internazzjonali li Malta hija firmatarja tagħha.

Dan in-nuqqas serju ta’ trasparenza qed juri li minflok jagħtu prijorità lill-ħarsien tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja fuq kull interess ieħor, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kabinett tiegħu qed jinstigaw proċess ta’ ppjanar tal-iżvilupp ibbażat biss fuq ix-xewqat tal-iżviluppaturi.

Din hija konferma oħra li t-tema tal-Baġit 2025 “Pajjiż ta’ Kwalità” mhi xejn għajr propaganda, u hija ferm ’il bogħod mir-realtà li qed ngħixu ta’ kuljum.

Il-PN se jibqa’ jinsisti għal trasparenza u kontabbiltà bil-għan li kwalunkwe tibdil propost fil-Pjani Lokali jkun wieħed li jħares tassew l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti bil-fatti u mhux bil-paroli.