Lokali

ILLEJLA: Id-diskors tal-Kap tal-PN Bernard Grech fil-Parlament

Illum fil-Parlament, fis-6.30pm, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed iwieġeb għad-diskors tal-Budget 2025 li għamel il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana nhar it-Tnejn li għadda.

Bir-raġun kollu hawn fil-pajjiż stennija kbira għal dan id-diskors li mistenni jikxef l-ingann tal-Gvern ta’ Robert Abela li minkejja li jaf li kellu Budget bla sustanza, bla viżjoni u li ma jsolvi l-ebda problema minn dawk li ħoloq hu stess u li għalihom qed iħallas prezz qares il-poplu Malti u Għawdxi kollu, għamel ġimgħa sħiħa jiftaħar li kellu Budget ta’ pajjiż “ta’ kwalità”.

Bernard Grech se jkun qed ifakkar li dan kien Budget li jagħtik xi ħaġa b’id waħda u jeħodhielek fl-istess ħin bl-id l-oħra. Se jfakkar li dan kien Budget li fih Robert Abela webbes rasu għall-appell kontinwu mhux biss tal-Partit Nazzjonalista imma tal-imsieħba soċjali kollha, u baqa’ jippersisti li jintaxxa lill-ħaddiema kollha fuq iż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Budget li injora kompletament lil Għawdex u lill-Għawdxin.

Budget li se jġiegħel eluf ta’ żgħażagħ iħallsu sena bolla żejda biex ikunu jistgħu jieħdu l-pensjoni li jkunu ilhom diġà snin twal jaħdmu għaliha. Baġit li ħalliena nitkellmu fuq l-istess problemi li konna qed nitkellmu dwarhom sena ilu.

Imma mhux biss. Fid-diskors tiegħu llejla Bernard Grech se jkun qed joffri wkoll is-soluzzjonijiet ta’ Gvern alternattiv. Gvern ġdid Nazzjonalista li diġà mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni qed juri li għandu viżjoni għall-futur ta’ pajjiżna. Viżjoni u soluzzjonijiet għall-problemi li għax ħoloqhom dan il-Gvern, ma jistax ikun hu nnifsu li jsolvihom, u lanqas għandu r-rieda li jagħmel dan. Viżjoni ta’ partit ta’ azzjoni, partit ta’ inizjattiva, partit li jagħti direzzjoni. Viżjoni ta’ Gvern ġdid li mhux biss iwiegħed, imma wkoll iwettaq.

Id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech illejla jixxandar live fuq Net Television f’xandira li tibda fil-5.30pm, u jkun segwit b’diskussjoni u analiżi ta’ dan id-diskors fl-istudios tal-istess stazzjon.