Internazzjonali

INDONEŻJA: Żbroff ta’ vulkan iħalli l-vittmi bil-Gvern jiddikjara stat ta’ emerġenza

Tal-anqas għaxar persuni tilfu ħajjithom wara li żbroffa vulkan fl-Indoneżja kmieni t-Tnejn filgħodu.

L-awtoritajiet qalu li l-iżbroff tal-vulkan laqat villaġġi li huma erba’ kilometri ‘l bogħod bil-lava tikkawża nirien u ħsarat estensivi f’numru ta’ residenzi.

Intqal ukoll li l-iżbroff affettwa madwar seba’ villaġġi fil-madwar. L-awtoritajiet poġġew il-vulkan fuq l-ogħla stat ta’ allert b’seba’ kilometri madwar il-vulkan iridu jkunu evakwati minnufih.

Apparti minn hekk, il-Gvern lokali ddikjara stat ta’ emerġenza għal 58 jum bil-għan li tingħata l-għajnuna meħtieġa lil residenti affettwati li b’kollox jammontaw għal madwar 10,000.