L-Ispettur Elton Taljana qal li kienet omm li salvat lil bintha mill-mewt meta ddeffendieta mill-aggressjoni ta’ dak li kien żewġha. Fil-fatt kienet hi li ħadet is-sikkina minn idejn l-aggressur. Dan ħareġ hekk kif beda jinstema’ l-ġuri ta’ raġel ta’ 56 sena minn Birkirkara, akkużat li 13-il sena ilu pprova joqtol lill-eks martu.
L-inċident seħħ f’dar fi Triq Henry Calleja, Birkirkara, meta waranofsinhar inqala’ argument jaħraq bejn il-mara u żewġha. Fil-fatt waqt l-istess argument, l-omm tal-allegata vittma, mara li dakinhar kellha 66 sena wkoll sofriet ġrieħi ħfief u ngħatat kura l-isptar. Ir-raġel, li dak iż-‘żmien kellu 43 sena, kien ġie arrestat immedjatament u ssusegwentent ġie mixli b’attentat ta’ qtil.
Il-kundizzjoni tal-mara kienet baqgħet waħda kritika għal xi żmien u f’periklu imminenti li tmut imma grazzi għall-kura li ħadet, kienet irkuprat. Il-każ seħħ f’Mejju tal-2011 fejn waqt l-argument bejniethom, il-vittma qalgħet sitt daqqiet ta’ sikkina.
L-Ispettur Elton Taliana, li investiga l-każ, qal li l-ewwel inċident kien seħħ fl-2010, meta l-akkużat hedded lil martu permezz ta’ telefonati. Kien qalilha li se jagħtiha daqqa ta’ karozza. Dak iż-żmien il-vittma kienet qed tgħix f’Dar Merħba Bik.
Huwa rrakkonta li t-theddid kompla, bir-raġel jċempel lill-mara tliet darbiet, beda jheddidha li jekk ma kinitx se toħrog mix-xelter, kien se jtajjar lil ommha u lil missierha bil-karozza. Minħabba f’hekk il-mara biddlet ix-xelter u akkumpanjata mill-pulizija marret tgħix f’xelter f’Għawdex.
Fil-preżenza tal-pulizija r-raġel heddiha li kien se jsibha waħedha u jaghmel dak li għandu jagħmel. Taliana qal li xahar qabel l-allegat reat, l-akkużat mar għal bintu u beda jsaqsiha fuq ommha. Mal-pulizija, it-tifla qalet ukoll li missierha ħadha miegħu fejn l-arloġġ ta’ Pembroke biex jiltaqa’ ma’ terza persuna u jixtri arma tan-nar mingħandu.
Meta kellmuh il-pulzija, huwa ċahad l-allegazzjonjiet tat-tifla, bil-pulizija ma tieħux riskju u tressqu l-Qorti. Taliana qal ukoll li fil-5 ta’ Mejju 2011 l-vittma kienet ma’ ħabib tagħha Wied ż-Żurrieq, meta minn imkien tfaċċa l-akkużat u beda jakkużaha li qabadha ma’ raġel iehor.
Il-mara, li kienet ilha separata 14 il-sena minn mal-akkużat, baqgħet sejra tagħmel rapport ieħor lill-Pulizija, flimkien mal-ħabib tagħha fl-għassa taż-Żurrieq. Il-Pulizija kienet ordnat lir-raġel iwassal lill-mara sar-residenza.
L-Ispettur Talian żied li inqas minn sagħtejn wara rċieva telefonata dwar persuna li qalgħet xi daqqiet ta’ sikkina f’residenza f’Birkirkara. Fuq il-post, il-vittma kienet mimlija demm u kellha tittieħed b’urġenza fl-isptar għal kura. Fuq ġewwa tar-residenza kien hemm ħafna titjir ta’ demm mal-ħitan u l-għamara, li jibqa’ sejjer sal-parapett.
L-akkużat ta ruħu b’idu lill-Pulizija u waqt l-istqarrija tiegħu qalhom li l-arma kienet tinsab fejn il-mitħna u “li kienu ilu jberren f’moħħu biex jagħmilha xi ħaga”. Huwa ammetta li kienu ilhom separati 14 il-sena u ma felaħx jaraha tkompli b’ħajjitha u tibda relazzjoni ma’ ħaddieħor waqt li ammetta wkoll li kiser ordni ta’ protezzjoni tal-Qorti biex ma jersaqx lejn il-mara kif ukoll li li kieku ma waqfitux il-kunjata kien jibqa’ jagħtiha bis-sikkina.
Fl-isptar il-vittma spiċċat tissielet għal ħajjitha minħabba li kellha diversi daqqiet f’sidirha, f’għonqa, f’darha u anke f’ġenbha. Meta l-pulizija tkellmu ma’ omm il-vittma spjegat li dakinhar xi ħadd ħabbat il-bieb u meta fetħet sabet lill-imputat ma’ wiċċha.
Ir-raġel imbuttaha u telaq jiġri wara l-eks mara tiegħu sakemm laħaqha u taha daqqa ta’ ponn. Il-mara bdiet taqla id-daqqiet ta’ sikkina sakemm l-omm irnexxilha toħodlu is-sikkina minn idu. L-omm sofriet minn ġrieħi ta’ natura ħfief għax qatgħet idha waqt li bdiet tipprova tieħu s-sikkina minn id ir-raġel.
Ommha kienet sofriet ġrieħi ħfief sabiex tipprotegi lil bintha. Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bir-raġel qed jaffaċċja disgħa kapi ta’ akkużi. Fuq ordni tal-Qorti, l-ismijiet tal-akkużat u l-vittma ma jistgħux jixxandru minħabba l-ulied komuni. Lanqas ċerta dettalji ma jistgħu jissemmew fuq il-każ.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kevin Valletta u Kaylie Bonett f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, għall-akkużat qed tidher l-Avukat Josephine Mifsud Farrugia waqt li l-Avukat Alexandra Mamo qed tidher għall-vittma.
//= $special ?>