Basketball Sport

John Tabone Shield Irġiel: Hibernians jirbħu s-Shield għas-seba’ darba

Colin Schembri

Hibernians………………………………..94

Luxol Sherries Estates……………..86

(24-25)(23-27)(21-18)(26-16)

Quddiem waħda mill-akbar attendenzi tal-istaġun, assistejna għall-finali mill-isbaħ fejn it-tim ta’ Hibernians wettaq rimonta qawwija fl-aħħar sessjoni biex assiguraw ir-rebħ tal-John Tabone Shield.

Il-wirja taż-żewġ timijiet kienet waħda inkorraġġanti għall-kumplament tal-istaġun. Il-players Amerikani fuq iż-żewġ naħat kienu protagonisti flimkien ma’ players lokali bħal Matthew Gouder u Nathan Xuereb. Luxol kellhom jgħaddu mingħajr Jean Paul Schembri li kien biss spettatur fuq il-bank.

Il-logħba bdiet b’ritmu mgħaġġel u Hibernians ħadu l-ewwel vantaġġ bill-punti ta’ Derek Brown, Tederick Wolfe u trippla ta’ Gouder. Luxol wieġbu b’punti minn Xuereb li kellu żewġ trippli, però sas-seba’ minuta Hibs fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 21-11. Luxol għamlu reazzjoni b’saħħitha, speċjalment bit-trippli ta’ Vukasisn Jandric li għenhom jieħdu vantaġġ ta’ punt 25-24 fl-aħħar tal-ewwel taqsima wara run ta’ 14-3.

Fit-tieni sessjoni, Luxol komplew isaħħu l-l-vantaġġ tagħhom. Trippla oħra minn Xuereb kabbrilhom il-vantaġġ għal 32-28, u Howard kompla jagħmel il-ħsara b’aktar punti. Wolfe u Brown flimkien ma’ Ivan Demcesen u trippla ta’ Goder għamlu l-punti għal Hibs. Luxol komplew b’sensiela ta’ free-throws ta’ Darren Howard u Caleb McCrary flimkien ma’ Stefan Cappello biex daħlu jistrieħu 52-47 minn fuq.

It-tielet taqsima fetħet b’basket ta’ Cappello qabel ma Gouder għamel trippla li ħalliet l-iskor 50-54. Hibs komplew bi trippla ta’ Brown u punti minn Wolfe żammewhom fil-logħba. Luxol, komplew b’punti ta’ Xuereb u McCrary, iżda Hibernians komplew jirkupraw tant li fl-aħħar 40 sekonda għamlu 5 punti minn Wolfe u Gouder biex fi tmiem it-taqsima basket wieħed kien jifred liż-żewġ timijiet 70-68 favur Luxol.

Fl-ewwel attakk tar-raba’ perjodu, Brown għamel trippla li reġgħet poġġiet lil Hibernians fuq quddiem 71-70, Luxol bdew jiġru wara l-avversarji u għamlu run ta’ 13-4 bil-punti ta’ McCrary, Xuereb u trippla ta’ Jandric biex fis-sitt minuta kienu sitta minn fuq 83-77. Hawn, però, bdiet wirja mill-aqwa mill-Pawlisti b’run stupenda ta’ 17-1. Fost l-oħrajn kien hemm sensiela ta’ punti minn Brown u Demcesen hekk kif Hibernians spiċċaw fuq quddiem b’rebħa ta’ 94-86.

Fi tmiem il-partita Christine Tabone mart il-mibki John Tabone, ippreżentat it-trofew lill-captain ta’ Hibs Anton Axiaq fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom.

Hibernians: N. Cassar, T. Wolfe 21, D. Brown 36. P. Attard, L. Attard, V. Kustudija, A. Axiaq, M. Gouder 20, M. Attard 5, M. Mallia, I. Demcesen 12, S. Simic 2.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 25, E. Caruana Montaldo, A. Azzopardi, I. Azzopardi, V. Jandric 16, JP Schembri, N. Xuereb 20, P. Engelbert, N. Bukva 2, C. McCrary 19, M. Matijevic, S. Cappello 4.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Kampjonat Irġiel Bank of Valletta

Starlites jibdew il-kampjonat b’rebħa

Sigma Depiro……………..57

Starlites JSD……………….81

(17-17)(13-17)(16-26)(11-21)

Ic-champions Starlites JSD bdew id-difiża tat-titlu b’rebħa kontra Sigma Depiro 81-57 biex irritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet konsekuttivi.

Iż-żewġ timijiet kellhom players importanti nieqsa hekk kif Depiro kienu biss b’Amerikan wieħed wara li temmew il-kuntratt ta’ Chase Barrs u Brandon Porter għadu mweġġa’. Starlites kienu mingħajr Benjamin Curran u Ian Felice Pace u l-coach Paul Ferrante għażel liż-żagħżugħ Kai Fabri fl-ewwel ħamsa tiegħu. L-istess player patta għal din il-fiduċja bl-ewwel trippla tal-partita. Madankollu, Depiro wieġbu malajr b’żewġ trippli minn Miguel Brincat b’Mortensen iwieġeb għal Starlites.  Depiro kabbru l-vantaġġ 15-7 wara punti minn Nikola Bozovic u Cameron Cornelius. Ir-risposta ta’ Starlites ġie minn Mortensen u Joe Davis u ppareġġjaw 15-15 biex it-taqsima ntemmet 17-17.

Fit-tieni taqsima, Starlites bdew jieħdu l-kontroll tal-partita u rnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ sitt punti 26-20. Depiro baqgħu viċin bi trippli minn David Bugeja u Cornelius. Starlites irnexxielhom iżommu vantaġġ ta’ 4 punti wara l-aħħar żewġ baskets tas-sessjoni għal skor ta’ 34-30.

Fit-tielet perjodu, Starlites bdew jiddominaw il-partita. Huma komplew bil-punti minn Trevon Reddish, Fabri, u Davis, li rnexxielhom iżidu l-vantaġġ tagħhom għal 12-il punt 52-38. Depiro kellhom risposta minn Bugeja li għamel diversi punti f’din it-taqsima. Il-perjodu ntemm 60-47 favur Starlites.

Fl-aħħar sessjoni ż-żewġ coaches użaw il-players kollha li kellhom fuq il-bank, però dan ma żammx lil Starlites milli jkabbru l-vantaġġ fosthom bi trippli minn Mortensen u Davies f’run ta’ 13-0. Il-logħba li bdiet bilanċjata spiċċat b’rebħa komda għal Starlites 81-57 biex bdew il-kampjonat b’rebħa.

Sigma Depiro: S. Galea 3. D. Bugeja 15, N. Bozovic 12, N. Zivkovic 2, L. Stefanovic 1, A. Trapani 3, D. Tomasi 4, S. Kenely, M. Brincat 6, C. Cornelius 11, M. Debattista.

Starlites JSD: J. Davies 18, A. Aquilina, K. Fabri 10, M. Fabri 6, L. Riolo, M. Scerri 2, L. Farrugia 2, K. Xuereb 2, K. Mortensen 21, T. Reddish 20.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi.