Colin Schembri
Caffè Moak Luxol……………60
Hibernians………………………66
(14-17)(8-19)(26-18)(12-12)
Hibernians għelbu lil Caffè Moak Luxol 66-60 fil-finali tal-John Tabone Shield biex irritornaw għar-rebħ tal-unuri wara nuqqas ta’ żewġ staġuni. Fil-fatt, l-aħħar unuri li rebħu kienu fl-istaġun 2021/22 u jidher ċar li l-akkwisti li għamlu dan is-sajf kienu strumentali. Dan kien l-għaxar suċċess ta’ Hibs f’din il-kompetizzjoni.
Luxol, li kienu l-holders ta’ din it-tazza, kellhom nuqqas importanti hekk kif kienu mingħajr Sarah Pace u Josephine Diaby li għadha ma rkupratx minn injury. Huma kellhom lura lil Rebecca Naudi li rritornat għal logħob wara nuqqas ta’ diversi staġuni u l-players żgħażagħ tagħhom offrew wirja qalbiena, però finalment l-esperjenza ta’ Hibs kienet strumentali.
Hibernians bdew il-partita bl-aħjar mod, bil-punti ta’ Jasmine Abela u Mikayla Brandon flimkien ma’ trippla ta’ Steffi De Martino li tawhom vantaġġ ta’ 8-0. Luxol wieġbu permezz ta’ Lisa Fenech Pace u Vanya Baldacchino li ġabu l-iskor eqreb, iżda Hibernians kellhom aktar punti minn Brandon u Maria Bonett. Sarah Fenech Pace u Brandi Huffhines wieġbu għal Luxol però l-perjodu ntemm b’vantaġġ żgħir ta’ Hibernians 17-14.
Fit-tieni taqsima, Hibernians kabbru l-vantaġġ tagħhom bi break qasir ta’ 7-2 b’punti minn Bonett u De Martino. Luxol wieġbu bi trippla ta’ Huffhines li però ma kinitx biżżejjed biex iżżommhom qrib. Dan għaliex Hibernians għalqu t-taqsima bi break ta’ 12-0,fosthom trippla ta’ Abela u l-punti ta’ De Martino u Brandon għal skor ta’ 36-22.
Wara l-intervall, Luxol fetħu b’żewġ baskets minn Huffhines u S. Fenech Pace. Ir-risposta ta’ Hibs kienet immedjata b’żewġ trippli minn Brandon u De Martino. Hawn Luxol kellhom mument tajjeb bi break ta’ 13-1 b’seba’ punti ta’ Huffhines flimkien ma’ Lisa Fenech Pace u waslu sa 4 punti ‘l bogħod 39-43. Wara punti minn De Martino u Brandon, Luxol komplew jitħabtu u naqqsu d-distakk għal basket. De Martino għamlet sitt punti oħra biex Hibs temmew is-sessjoni 54-48 minn fuq.
Fl-aħħar perjodu, Luxol komplew jissieltu biex jirkupraw id-distakk. Fenech Pace u Huffhines ġabuhom u naqqsu d-distakk għal żewġ punti biss 54-56. Brandon u De Martino komplew jagħmlu punti kruċjali fl-aħħar minuti u minkejja trippla oħra minn Huffhines, il-partita ntemmet fuq skor finali ta’ 66-60 favur Hibernians.
Fi tmiem il-partita, Christine Tabone ppreżentaw it-trofew lill-captain ta’ Hibs Naomi Farrugia fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom.
Caffè Moak Luxol: G. Carabott, L. Fenech Pace 10, M. Marmara, N. Vella, E. Abela, S. Fenech Pace 9, B. Huffhines 25, V. Baldacchino 8, S. Sciberras 2, R. Fenech Pace, R. Naudi, A. Fenech Pace 8.
Hibernians: M. Brandon 27, M. Buhagiar, E. Farrugia, S. Vella, E. Cassar, A. Saliba, J. Abela 5, M. Bonett 6, S. De Martino 26, K. Calleja, N. Farrugia, K. Caruana.
Referees: Nicky Azzopardi, Nestor Rincon, Miguel De Flavia
//= $special ?>