Ambjent Lokali

L-għaqdiet ambjentali jappoġġjaw is-sejħa ta’ BirdLifeMalta biex tinżamm is-saltna tad-dritt f’Malta

Tmien għaqdiet ambjentali mhux governattivi (eNGOs) qed jappoġġjaw is-sejħa ta’ BirdLife Malta lill-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent biex tinżamm is-saltna tad-dritt u tiġi rispettata s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru li għadda.

Il-verdett sab li Malta kisret id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar meta fis-snin li għaddew, fix-xhur tal-ħarifa,
ippermettiet ‘deroga ta’ riċerka’ fuq l-għasafar tal-għana. Il-Qorti tat xahar żmien lill-Gvern Malti biex iwieġeb dwar kif kellu jimplimenta s-sentenza.

Minkejja dan, fl-20 ta’ Ottubru l-Gvern reġa’ fetaħ l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana u ppermetta l-istess kundizzjonijiet bħas-snin ta’ qabel u b’hekk mat-3,500 nassab jistgħu jonsbu għall-għasafar tal-għana għal xahrejn sħaħ sal-20 ta’ Diċembru.

Din hija t-tieni darba fi ftit xhur li b’arroganza l-Gvern injora d-deċiżjonijiet tal-Qorti. Wara li l-Prim Imħallef Mark Chetcuti, fl-ogħla Qorti f’Malta, iddeċieda kontra l-bini ta’ penthouses illegali f’Għawdex, l-Awtorità tal-Ippjanar ‘illegalizzat’ dawn iż-żewġ penthouses bl-applikazzjoni PA3869/24. Ironikament, kemm id-derogi tal-kaċċa kif ukoll l-ippjanar jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Clint Camilleri, li jidher li ngħata l-libertà mill-Prim Ministru Robert Abela biex jaġixxi b’arroganza u bla rispett fuq dawn il-kwistjonijiet.

L-avviż legali li bih fetaħ l-istaġun kellu biss tibdil minimu meta mqabbel ma’ tas-snin ta’ qabel u huwa tentattiv biex jipprova jiġġustifika li m’hemm l-ebda alternattiva għar-riċerka biex ikun magħruf minn fejn ipassu l-għasafar tal-għana ħlief li jħalli lin-nassaba kollha liċenzjati f’Malta biex ikomplu jonsbuhom. Jekk ninsabu f’sitwazzjoni fejn il-Gvern jikser id-direttivi ambjentali, jitwaqqaf mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, u xorta jibqa’ għaddej jikser bl-addoċċ dawn id-direttivi għax jibża’ li jitlef il-voti, mela l-futur ambjentali tal-pajjiż jinsab f’riskju serju.

L-eNGOs qed isejħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel skrutinju ta’ dak li għaddej f’Malta u qed jappoġġjaw is-sejħa ta’ BirdLife Malta biex tieħu azzjoni malajr kemm jista’ jkun dwar id-deroga tal-insib tas-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana.

Is-sejħa ta’ BirdLife Malta qed jappoġġjawha Din l-Art Ħelwa, il-Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Malta Rangers Unit, Friends of the Earth Malta, Ramblers Association, Flimkien għal Ambjent Aħjar u Għawdix.