Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-Parlament li Malta għandha bżonn gvern ta’ kwalità; gvern immexxi mill-PN.
Meta kien qed jitkellem fid-diskors dwar il-Budget, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li l-poplu jeħtieġ gvern sensittiv għar-realtajiet tiegħu, gvern li jiffunzjona, gvern iffukat fuq il-prijoritajiet tal-pajjiż, gvern iffukat fuq il-ħtiġiet preżenti tan-nies, gvern li jantiċipa x-xejriet u jsawwar il-ġejjieni biex jiżdiedu l-opportunitajiet fl-edukazzjoni, impjiegi ġodda, inizjattivi soċjali li mhux biss jindirizzaw il-faqar imma ma jdaħħlux lin-nies fil-faqar jew f’diffikultajiet soċjali.
Minflok bħalissa dan hu gvern li jogħtor meta l-ġejjieni jsir preżent. Għalhekk jitfixkel u jibda jieħu inizjattivi bl-addoċċ. Dan hu gvern li tliet leġiżlaturi għejjewh u jbiddel kemm ibiddel Ministri, kif għad irid jerġa’ jbiddel, joħroġ aktar taħwid u nuqqas ta’ koordinazzjoni.
Dan hu gvern li ma jikkomunikax, la l-Ministri bejniethom u lanqas man-nies b’ministri mitlufa bla ragħaj u li jaħarbu lin-nies. Il-pajjiż sar wieħed fejn is-self-employed u min iħaddem jagħtu lezzjonijiet lill-gvern u l-gvern ma jridx jisma’. Għalhekk dan hu gvern bla pjan u mingħajr pjan strateġiku u dan kollu taqrah f’budget fejn il-miżuri huma iżolati minn xulxin.
Bernard Grech qal li l-PN se joffrii pjan ġdid għall-poplu Malti, għal pajjizna. Pjan li jagħti tama, prosperità lil kulħadd u ġejjieni mibni fuq dak li hu ġust. Pjan li kull ċittadin, kull familja, kull ġenitur, kull ħaddiem, kull min iħaddem, kull żagħżugħ u żagħżugħa, kull anzjan u anzjana, kull tifel u tifla għandu jew għandha post fiha.
Bernard Grech żied li l-poplu jrid jgħix f’Malta u Għawdex fejn mill-politika tistgħana int, mhux il-politiku u l-klikka tiegħu, bħalissa jistagħnew il-ftit u jħallsu l-ħafna. Il-poplu jrid jgħix f’Malta u Għawdex li fihom iż-żgħir ma jitwarrabx, waqt li ħaddiehor iwarrab il-miljuni. Il-poplu jrid jgħix f’pajjiz bi gvern li jixpruna s-sidien tan-negozji onesti, imprendituri li jimxu ‘l quddiem b’ħilithom, mhux għax iħobbu jpassu fil-kuriduri tal-poter. Il-poplu jagħraf Malta u Għawdex b’futur sabiħ għal uliedu, mhux jinkwieta li se jfittxuh f’pajjiż ieħor.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-PN irid pajjiż sabiħ u nadif f’kull sens b’ambjent li jilqa’ lill-familji u lil minn jistieden. Irridu sistema edukattiva li tiffoka fuq l-istudenti u l-għalliema.
Edukazzjoni sa mis-snin bikrija
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-PN irid servizzi tas-saħħa li jlaħħqu mal-ekonomija li tkun qed tikber u servizzi tas-saħħa li jlaħħqu u jindirizzaw b’kura effettiva u fil-pront għal mard ġdid li qed niffaċċjaw.
Il-PN irid servizz tas-saħħa fil-komunità iffukati wkoll fuq servizzi preventivi u servizzi li jirrispondu għal bidliet demografiċi; fejn l-anzjani tagħna, u dan aħna nieħdu gost bih, qed jgħixu aktar. Il-PN irid infrastruttura li taħseb minn kmieni għall-investimenti ġodda li l-pajjiż jiġbed u b’infrastruttura jfisser toroq, konnettività bejn Malta u Għawdex, elettriku, drenaġġ, servizzi tal-ilma u toroq attrezzati kontra l-għargħar.
Ma’ dawn, il-PN irid Malta bi gvern li mhux jipprietka liż-żagħżagħ imma li jismagħhom u jifhimhom. Il-poplu jrid jgħix f’pajjiż fejn l-innovazzjoni tkun fil-qalba ta’ dak kollu li jagħmel għaliex b’hekk ikun dejjem kompettiv u jrid jgħix f’pajjiż li fih il-liġi tilħaq lil kulħadd l-istess.
Il-poplu jrid pajjiż li joffri siġurtà għall-poplu u jixraqlu pajjiż bi standards għolja, b’kollox – mit-toroq sal-arja – standards għolja kemm f’dak li jidher u dak li ma jidhirx imma li xorta jaffettwaw. Il-poplu jrid jgħix f’Malta u Għawdex li fihom jieqaf iberren fuq il-politika. Mhux għax ikun għejja jisma’ bi skandlu ġdid kuljum, imma għax ikollu gvern serju li jista’ jafdah imexxi; biex il-poplu jibqa’ għaddej b’ħajtu u l-karriera b’mod seren. Din hi Malta li tixtieq int, li hi tiegħek; bi dritt. Malta u Għawdex li tagħrafhom, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li dan hu li jixtieq il-poplu imma taħt dal-gvern Malta m’għadekx tagħrafha. M’għadhiex Malta li taf int, sostna Bernard Grech.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-pajjiż jinsab f’salib it-toroq bi gvern tas-slogans fil-vojt. Il-problema ta’ dan il-gvern hi li l-gvern ingħalaq fit-torri tal-avorju bla bibien u bla twieqi. Il-Prim Ministru mhux biss inqata’ min-nies, talli nqata’ minn ta’ madwaru, sostna Bernard Grech li kompla li l-poplu hu ħawtiel, l-isfida jdawwarha f’opportuntità u mbagħad il-gvern li bil-kontra, l-opportunitajiet jarahom problema. Dal-gvern ma jistax isolvi l-problemi tal-poplu għax hu l-kaġun tagħhom.
Dan hu gvern bla pjan u bla direzzjoni. Għalhekk qatt fl-istorja ta’ Malta ma’ kien hawn Prim Ministru li għamel u-turns daqskemm għamel Robert Abela fosthom, fuq fuq l-inkjesta dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, fuq l-abort, fuq il-yacht marina ta’ Wied il-Għajn u fuq Rosianne Cutajar.
Bernard Grech qal li għax m’għandux viżjoni, Robert Abela spiċċa maqbud minn ferneżija biex jillapazza. Il-gvern mhux jagħmel dak li hu sewwa imma dak li jgħinu jisraq il-voti, mhux ingranat fl-interess tan-nies imma fl-interess tiegħu, u lanqas qed jiggverna imma jipprova jsalva ġildu. Insa s-sondaġġi. Dan hu Prim Ministru second hand u gvern beżgħan li se jitlef il-poter u għalhekk ossessjonat li jrid jikkontrolla kollox u lil kulħadd.
Dan ħareġ ċar b’dak li l-gvern għamel lill-għalliema; lill-ħassieba ta’ dan il-pajjiż, li l-poplu jafda lil uliedu f’idejhom qalilhom li biex jitkellmu fil-midja jridu permess mingħandu. Aħna lill-għalliema, liż-żgħażagħ, lill-impjegati ngħidulhom tkellmu aktar. Irridu nisimgħukom. Il-ħsieb kritiku tagħkom jgħin biex nagħmlu politika aħjar, sostna Bernard Grech, li kompla li dan il-gvern qed jgħidilhom li biex jitkellmu jridu l-permess tiegħu… lilna se ssibuna niddefendukom. Dan hu dritt tagħkom għax Malta tagħkom ukoll.
Bernard Grech kompla li għalhekk l-appell tal-PN hu: “Dak li hu tiegħek bi dritt ħudu għax dak huwa tiegħek, mhux tal-gvern. Imma tinsa’ qatt li fis-sentejn li ġejjin dak li hemm fin-nofs huwa l-futur tiegħek, ta’ familtek u ta’ wliedek”.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li dan hu gvern li qed jgħix gidba; gvern li tella’ d-dejn tal-pajjiz għal €10 biljun u l-Prim Ministru jibqa’ jitbissem qisu ma’ ġara xejn. Dan hu Prim Ministru li rdoppja d-dejn ta’ pajjiżna minn €5 biljun għal €10 biljun sal-aħħar ta’ din is-sena; rekord.
Bernard Grech qal li l-Prim Ministru kien qal li se jibda jbiegħ iċ-ċittadinanza biex inaqqas id-dejn, iżda minflok għamel bil-maqlub. Il-fatti huma li l-gvern se jibqa’ jzid id-dejn b’€1 biljun kull sena waqt li l-piż tal-interessi jibqa’ jiżdied u jħallas il-poplu. Għalhekk lil dawk ta’ taħt it-48 sena ,inkluż iż-żgħażagħ, il-gvern qalilhom li biex jieħdu l-pensjoni sħiħa jridu jħallsu u jaħdmu sena aktar. Il-gvern żied il-bolla li trid titħallas għall-pensjoni sħiħa.’
Servizzi li mhux ilaħħqu
Bernard Grech qal li dan hu gvern li jibqa’ ma jagħmel xejn biex is-servizzi pubbliċi – is-saħħa, it-trasport, l-elettriku – ilaħħqu mad-domanda u mal-popolazzjoni ta’ pajjiżna. Il-gvern ħoloq l- ineffiċjenzi fl-ekonomija u ġab l-ekonomija dipendenti fuq popolazzjoni akbar milli jiflaħ il-pajjiż, issa ma jafx fejn se jagħti rasu. Dak li għamel il-gvern la jixraq lill-ħaddiema li ġab u lanqas lil pajjiżna. Hu sew li tmur f’ċertu lokalitajiet u tara ħaddiema barranin jorqdu barra fuq il-bankina?
Robert Abela huwa allergiku għall-verità u għalhekk idejqu l-ġurnaliżmu indipendenti, għalhekk jimblokka milli toħroġ l-informazzjoni fuq kuntratti u impjiegi pubbliċi, għalhekk lil TVM ġabu qisu stazzjon ieħor tal-Partit Laburista tant li anki lill-Papa iċċensuraw għax tkellem kontra l-korruzzjoni. Għalhekk iċ-ċirku ta’ madwar Robert Abela dejjem jiċkien tant li llum spiċċċa hu u l-mera. Għalhekk Robert Abela jattakka lill-ġudikatura, irid jagħmel sarima ma’ ħalq l-għalliema u jipprova jwaqqaf lil min jitkellem. Imma issa daqshekk, mhux ser inħalluk jibqa’ joħnoq il-libertà tan-nies, sostna Bernard Grech, li kompla li dan hu gvern maqtugħ mir-realtà li l-poplu jgħix kuljum.
Bla pjan fit-traffiku
Bernard Grech qal li llum bit-traffiku li hawn, min iħaddem qed ikollu jħallas lill-ħaddiema għaliex jinqabdu fit-traffiku; flok ikunu qed jagħmlu aktar xogħol u jiġġeneraw aktar dħul, qed jitilfu l-ħin fit-traffiku.n
It-traffiku jfisser ukoll aktar telf ta’ ħin għat-tfal qabel jidħlu l-iskola u għaż-żgħażagħ li jmorru l-ITS, l-MCAST, il-Higher, u l-Junior College. Dan hu iktar stress. Ikun aħjar li t-tfal jaslu l-iskola u jibdew b’eżerċizzji fiżiċi milli jitilfu l-ħin fit-traffiku. It-traffiku jfisser ukoll periklu għas-saħħa. Dan iġib ukoll aktar mard.
Bejn il-ġid u l-faqar
Studju tal-Bank Centrali juri li sa tmiem is-sena l-oħra, 10% tal-popolazzjoni, dik sinjura, għandha kważi nofs il-ġid tal-pajjiż kollu f’idea. Imma mhux biss; dawn l-10% ta’ fuq għandhom erba’ darbiet l-ammont tal-ġid kollu li għandhom in-nofs ta’ taħt tal-popolazzjoni. Din il-qasma bejn min jaqla’ l-iktar u min jaqla’ l-inqas hija fost l-ogħla fl-Ewropa. Fuq kollox id-distakk bejn ta’ fuq u t’isfel taħt dan il-gvern suppost soċjal demokratiku, qed jikber mhux jiċkien.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-2013 kien hawn ftit inqas minn 100,000 persuna li huma fqar jew fir-riskju ta’ faqar. Sas-sena l-oħra, magħhom żdiedu madwar 6,500 oħra. L-ogħla persentaġġ ta’ foqra, f’riskju tal-faqar u ta’ esklużjoni soċjali huma l-pensjonanti. Fl-2013 dawk li għandhom 65 sena jew iktar f’din il-kategorija finanzjarja kienu jammontaw għal 14,000. Dawn issa irduppjaw fejn illum hawn 30,000 anzjan f’din il-kategorija. Bernard Grech semma’ t-tfal u qal li llum hawn 18,000 tifel u tifla li jgħixu taħt il-linj ta’ povertà. Ir-riċerka tal-Caritas Malta turi li fl-aħħar erba’ snin il-prezz biex titma’ familja ta’ erba żdied b’iktar minn €3,500 fis-sena.
Statistika maħruġa mill-Istatistics on Income and Living Conditions (2023) tgħid li persuna minn kull għaxra ma taffordjax li tiekol laħam, tiġieġ, ħut jew ħaxix b’mod regolari jew kemm għandha bżonn. Tliet persuni minn kull għaxra lanqas btala darba fis-sena ma jaffordjaw.
Minn statistika li nġabret mill-Università joħroġ li fl-2015 kien hemm 22% f’riskju ta’ faqar. Fl-2023 dan il-persentaġġ niżel bi ftit imma f’termini ta’ numru ta’ nies f’riskju ta’ faqar, minn 96,000 fl-2015 tela’ għal 105,500 fl-2023. Illum hawn iktar minn 105,500 jgħixu f’riskju ta’ faqar; tfal li qed jgħixu mċaħħdin mill-bażiku, anki mill-ikel.
Għoli tal-ħajja
Il-Kap tal-PN qal li s-siparju fuq il-kampanja farsa Stabbiltà issa niżel, imma dan il-budget fih ħemda sħiħa fuq kif se titrażżan l-għoli tal-ħajja. Stabbiltà kienet biss gimmick elettorali li ma belagħha ħadd. Dan għaliex il-gvern kellu lista ta’ prodotti bażiċi li jaf li għandhom influwenza qawwija fuq il-kejl tal-għoli tal-ħajja, il-famużi 400 prodott. Din il-lista ma tinbidilx min sena għal sena. Il-Gvern qabad dik il-lista u użaha għal is-skema.
L-iskop tal-iskema Stabbiltà kien biex il-gvern jidher li qed irażżan l-għoli tal-ħajja, mhux biex fir-realtà jagħmel hekk. Illum qed jidhlu f’riskju ta’ faqar anki dawk li jaħdmu full-time u part-time. Fil-fatt dawk li jaħdmu full-time u qegħdin f’riskju ta’ faqar, tela’ minn 5% fl-2014 għal kważi 7% fl-2023. Fost dawk li jaħdmu part-time żdied minn kważi 12% għal iktar minn 18%.
Proposti għal qasam soċjali b’saħħtu
Bernard Grech qal li l-PN għandu politika soċjali li taħdem fuq erba’ binarji kruċjali li huma t-tisħiħ tal-benefiċċji soċjali kontributorji u li mhumiex, l-NGOs jagħtu servizzi speċjalizzati li jindirizzaw il-problemi partikolari u b’aktar effiċjenza mill-gvern u li jiżdiedu s-servizz b’numru ta’ professjonisti f’oqsma differenti waqt li jkunu introdotti mekkaniżmi ta’ governanza soċjali li jirriflettu t-tibdil demografiku ta’ pajjiżna.
Gvern Nazzjonalista se jagħmel minn kollox biex ir-rispett lejn xulxin, lejn l-ambjent, lejn l-annimali, lejn min qed ibati u lejn dak kollu li hu Malti jerga’ jkun il-passaport tagħna għall-futur, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Ġlieda kontra t-traffikar tad-droga
Il-Kap tal-PN qal li l-pajjiż għandu problema enormi tad-droga fejn l-NGOs huma diġà mgħobbija bix-xogħol u mhumiex ikampaw. Dil-pjaga issa qisha saret parti min-normal. Donnu li dan il-gvern qata’ qalbu li jsib soluzzjoni u rridu naċċettaw li d-droga se tkompli tkisser il-ħajjiet tan-nies.
Il-politika tal-PN se tkun dik li tara u tifhem l-uċuħ, li tħaddan l-istorja tal-familja u tirrispondi b’mod effettiv għalihom. Għalhekk irridu nirxuxtaw l-idea ta’ servizzi personalizzat, kunċett li kien daħħlu l-gvernijiet Nazzjonalisti imma llum intilef u tar mar-riħ. Fuq kollox, irridu politika biex lil Malta nerġgħu nagħrfuha.
Il-volontarjat hu l-bażi tas-soċjetà
Bernard Grech qal li biex l-għaqdiet volontarji jissopravivu finanzjarjament qed ikollhom iniedu kampanja wara oħra. Il-volontarjat għandu bżonn qafas ta’ politika soċjali b’sinsla b’saħħitha, tmexxija tajjba, konversazzjoni kontinwa, pjan u direzzjoni; m’għandux ikun aktar aċċettabbli f’Malta li nesponu lill-vulnerabbli biex jinġabru l-flus għall-istess vulnerabbli.
Ħadd m’għandu jħares lejn l-NGOs bħala theddida. Il-flus li jagħtihom l-gvern m’għandhomx ikunu mażżra m’għonqhom. Għalhekk għandha immedjatament tinħoloq Fondazzjoni awtonoma biex il-flus li jagħti l-gvern ikunu mqassma minnha. Ma’ jibqax iktar il-ministru li jidddeċiedi lil min jgħin u kemm imma tkun ir-responsabbiltà tal-Fondazzjoni li talloka l-fondi.
Jeħtieġ azzjoni effettiva kontra l-vjolenza domestika
Bernard Grech qal li l-PN jinsisti li dawk kollha kkonċernati għandhom jinġiebu madwar il-mejda biex jaħdmu flimkien, jgħinu lil xulxin u jikkumplimentaw lil xulxin. Gvern Nazzjonalsita jagħmel mezz biex il-vittmi tal-vjolenza domestika jew il-familjari tagħhom ikunu madwar din il-mejda biex l-esperjenza tagħhom ta’ tant tbatija ma tirrepetix ruħha u jsiru vittmi darbtejn.
Gvern li falla fl-akkomodazzjoni soċjali
Il-PN hu inkwetat ħafna li l-ammont ta’ proprjetajiet għall-housing soċjali ilu ma jiżdied snin sħaħ. L-Awtorità tad-Djar stess stqarret li iktar min-nofs il-kuntratti tal-kiri fil-privat jaqbżu it-€800 fix-xahar. Għalkemm jeżistu skemi ta’ sussidju, ħafna ma jkunux eligibbli għalihom. Kif persuna jew familja bi dħul baxx u anki qrib il-medju tista’ tħallas kirja ta’ €800 fix-xahar? Il-gvern abdika mir-responsabbiltà li għandu li jipprovdi housing soċjali.
Żgħażagħ; il-futur tas-soċjetà
Bernard Grech qal li hemm problemi ta’ żgħażagħ li kulma jmur qed isibuha diffiċli biex jixtru l-post tagħhom u ta’ żgħażagħ u tfal li jbatu minn eating disorder, ansjetà u saħħa mentali. L-attakk li ż-żgħażagħ isofru kontinwament mill-mezzi soċjali mhux realistiċi u għalhekk hawn ħtieġa ta’ għarfien akbar, ta’ analiżi ta’ ħsieb kritiku.
Tfal: Prijorità ewlenija għall-PN
It-tfal għandhom ikunu fuq quddiem nett tal-prijoritajiet nazzjonali. Permezz ta’ iktar prevenzjoni u protezzjoni jeħtieġ li ebda futur ta’ tifel jew tifla ma jintilef għax ikunu mgħaddsa fi problemi li jgħixu fihom. Fir-rapport annwali tal-Foundation for Social Welfare Services, il-gvern ammetta li fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal hemm staff compliment ta’ madwar 55, li huwa kważi nofs li hemm bżonn. B’aktar minn 200 rapport ta’ abbuż fuq it-tfal fix-xahar, is-servizz taċ-child protection għandu bżonn 50 persuna oħra. Il-PN qed jipproponi biex permezz tal-Kumitat Parlamentari tal-Familja, ikun hemm linji gwida biex nipprotegu t-tfal u anke biex jiġi regolarizzat b’mod aktar b’saħħtu kif it-tfal jiġu murija fil-midja tradizzjonali u dik soċjali.
Il-vuċi tan-nies u t-tmexxija tal-qasam soċjali
L-isfida ewlenija hi li l-gvern ma jibqax jaraw in-nies bħala parti minn folla imma bħala individwi bi storja u narrattiva unika. Illum, din il-viżjoni għadha ħolma fl-arja. Imma mhux biss. Dal-gvern il-qasam soċjali spezzettah bejn diversi ministeri.
Għalhekk irridu nerġgħu nġibu konverġenza f’dal-qasam b’politika kkoordinata. Fix-xhur li ġejjin il-PN se jipproponi diversi ideat prattiċi fil-qasam soċjali, dak tal-immigrazzjoni u dwar il-benefiċċji soċjali.
Kriżi fis-settur tas-saħħa.
Bernard Grech qal li das-settur qed ibati minn sensiela ta’ nuqqasijiet. Dan qed jiġri meta skont il-Wellbeing Index kważi 18,000 Maltin u Għawdxin jinsabu fi stat ħażin jew ħażin ħafna ta’ saħħa.
Il-proċeduri ta’ procurement, partikolarment għall-mediċini u materjal mediku ġġammjati u dan ifisser li min għandu bżonnhom irid imur jixtrihom. Sintomu ta’ din il-kriżi amministrattiva huwa dan. Fl-aħħar erba’ xhur is-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU) kellu erba’ kapijiet differenti
Mhux aċċettabbli li iktar u iktar mill-pazjenti qed ikollhom jirrikorru għall-Community Chest Fund; mhux aċċettabbli li fl-Outpatients il-pazjenti jdumu nofs ta’ nhar jew iktar biex jinqdew; mhux aċċettabbli li dawk li għandhom bżonn urġenti ta’ servizzi dijanjostici jkollhom jistennew ix-xhur għal appuntament; mhux aċċettabbli li llum il-Maltin u Għawdxin huma fost l-iktar fl-UE li qed jonfqu flus minn buthom fuq mediċini u servizzi mediċi privati.
Dan hu gvern li lanqas id-data meta se jinfetaħ il-Paola Medical Hub li suppost ilu lest sentejn ma’ hu lest li jgħid.
Gvern bla proposti fis-saħħa mentali
Illum 63% tal-poplu Malti tħoss sentimenti ta’ ansjetà. Skont il-Global Emotions 2024 Report 55% tal-Maltin iħossuhom stressjati. Dan ipoġġina fost l-iktar popli fid-dinja li jinkwieta u li huwa stressjat.
Bernard Grech qal li jeħtieġ l-gvern jieħu ħsieb il-komunitajiet. Hu sabiħ li jkun hawn pjazzez u lokalitajiet b’attività iżda dan m’għandux ikun għad-detriment tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Strateġija favur is-saħħa mentali hija importanti, partikolarment biex jiddaħħlu strutturi, sistemi u servizzi biex is-soluzzjonijiet u l-kura jkunu fuq bażi soda u integrata. Imma hemm bżonn li tinfetaħ diskussjoni nazzjonali iffukata u infurmata għaliex is-saħħa mentali mhuwiex suġġett imma realtà li ma tistax tigi indirizzata bi proġett pilota f’kunsill. Żgur ma jigix indirizzat billi wara 10 snin l-gvern issa jgħid li mhux se jagħmel sptar mentali ġdid.
L-edukazzjoni trid tissaħħaħ
Bernard Grech qal li ċ-ċifri huma allarmanti fejn in-numru ta’ żgħażagħ mingħajr edukazzjoni post-sekondarja qiegħed jiżdied, u b’rata dejjem iktar mgħaġġla. Fost dawk li joħorgu mill-iskola kmieni u li għandhom bejn 15-29 sena, jirriżulta li bejn l-2022 u l-2023 il-persentaġġ minnhom li jaħdmu niżel bi 12% għal 48.3%. Kważi nofs dawn iż-żgħażagħ huma bla xogħol.
Fost iż-żgħażagħ femminili s-sitwazzjoni hi agħar fejn terz minnhom biss għandhom xogħol. Dwar l-MCAST, hu qal li s’issa saru tliet protesti mil-lecturers u mill-istudenti li qed ibatu mingħajr ħtija biex jintlaħaq qbil fuq ftehim kollettiv. Din is-sitwazzjoni qed tissarraf f’dannu kbir għal-lecturers u ħsara irreparabbli fil-formazzjoni tal-istudenti. Imma żgur li dan il-budget ma tantx jagħmel kuraġġ lil-lecturers u lill-istudenti għax l-MCAST lanqas biss tissemma’.
Dwar l-Università, Bernard Grech qal li l-gvern qed jibghat messaġġi kontradittorji. Il-Pre-Budget Document jiddandan bl-investiment f’das-settur imma mbagħad il-Ministru tal-Finanzi jattakka lill-Università għax mhijiex taqla’ biżżejjed flus.
Wegħdi li ma twettqux
Dan il-budget huwa fil-maġġor parti assoluta tiegħu repetizzjoni ta’ wegħdi li ma twettqux mill-budget tas-sena l-oħra, xhieda li l-gvern qata’ qalbu minn dawn is-setturi. Tant qata’ qalbu minnhom, li minflok żidilhom l-għajnuna biex jipprovdu lill-pajjiż b’ikel bi prezzijiet affordabbli, mill-ispiża rikorrenti tiegħu naqqas €12-il miljun li kienu jmorru għas-sussidji fosthom tal-gwież biex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet tal-affarijiet tal-ikel. Dan barra t-tnaqqis ta’ €6 miljun oħra f’għajnuniet lir-raħħala li kellhom imorru għall-istrutturar tal-irziezet tal-baqar.
Lejn biedja u sajd sostenibbli
Għal dan il-gvern, lis-sajjieda naqqsilhom €100,000 li bih kienu jistgħu jirrangaw id-dgħajjes tagħhom u kważi €100,000 oħra li bihom kienet qed tiġi rranġata l-pixkerija. Dan apparti l-fatt li f’ dan il-budget nesa għal kollox lis-sajjieda żgħażagħ u abbanduna għal kollox lil dawk is-sajjieda li jixtiequ jixtru l-ewwel opra tal-baħar tagħhom.
Gvern mifni b’korruzzjoni u frodi
Bernard Grech qal li llum il-poplu m’għadux jinħasad meta jinkixef każ ieħor ta’ korruzzjoni. Flok jiġġieled il-korruzzjoni dan il-gvern qed joħloqha jew jipproteġiha hu stess. Il-korruzzjoni llum saret the new normal. Dan kollu ġab lill-pajjiż fost l-aktar magħrufa għall-korruzzjoni. Il-Corruption Index maħruġ minn Transparency International juri li Malta hija fost l-aktar pajjiżi magħrufa għall-korruzzjoni fl-Ewropa. Malta tinsab fil-51 post minn fost 180 pajjiż. Fejn tidħol il-korruzzjoni l-Gvern Laburista ġab lill-pajjiż fl-istess keffa ta’ pajjiżi bħar-Rwanda u s-Sawdi Arabja.
Hu qal li l-każ li l-iktar nifed il-qalb ta’ kull min għandu sens ta’ valuri soċjali, kien ir-racket tal-benefiċċji soċjali li jinvolvi deputat Laburista li kellu jirriżenja. Każ bħal dan, apparti li huwa att kriminali, jagħti daqq fl-istonku ta’ dawk li għandhom stonku vojt. Dak hu s-soċjaliżmu ta’ Robert Abela.
Dwar Vitals u Steward, il-Kap tal-PN qal li dak l-ikbar serqa ta’ flus pubbliċi fl-istorja politika tal-pajjiż u sostna li minkejja d-deċiżjoniet tal-qrati, sal-lum il-gvern għadu ma ħa l-ebda pass biex iġib lura l-miljuni li nsterqu minn Vitals, Steward u l-kompliċi tagħhom.
Dan kien l-ikbar frodi fl-istorja politika ta’ pajjiżna u li sar bil-barka ta’ dan il-gvern. Kien u għadu biss il-Partit Nazzjonalista li ħa azzjoni biex dawn il-flus jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi waqt li Robert Abela għamel minn kollox izda għarralu biex il-poplu ma jiħux l-isptarijiet lura u għadu jagħmel minn kollox biex il-poplu ma jiħux flusu lura.
Il-Kap tal-PN semma’ wħud mill-każi taż korruzzjoni fosthom l-iskandlu tal-karti tal-identità u l-indirizzi foloz, permessi ta’ residenza b’indirizzi foloz, ministri li jimpjegaw lin-nisa ta’ ministri oħra; l-abbużi mill-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ta’ Robert Abela laħqet livelli baxxi ġodda.
Bżonn ta’ bidla fil-mudell tal-ekonomija
Bernard Grech qal li l-mudell ekonomiku li ntuża fl-aħħar għaxar snin huwa bbażat fuq il-konsum, mudell li jħares biss mil-lum għal-lum u għada ħadd ma jafu ħadd. Għall-kuntrarju l-PN hu partit li jara l-affarijiet b’mod differenti għax Malta u Għawdex jixirqilhom aħjar. Il-poplu jixraqlu aħjar. Il-futur jixraqlu aħjar.
Minflok żied in-nefqa kapitali biex jindirizza l-problemi infrastrutturali li ġabet iż-żieda fil-popolazzjoni – problema li ħoloq il-gvern stess – il-gvern naqqas din in-nefqa b’€40 miljun. Għawdex laqqatha l-agħar għax kellu tnaqqis sostanzjali fin-nefqa għall-proġetti.
Ir-raġuni prinċipali li jagħtu l-investituri għall-kollass tal-fiduċja f’pajjiżna hu minħabba r-reputazzjoni, l-infrastruttura li qed tfalli, nuqqas ta’ ppjanar fit-tul u nuqqas ta’ ħiliet fost il-ħaddiema. It-tort ta’ dan kollu hu tal-gvern.
Bernard Grech qal li l-PN irid socjetà li tinkludi lil kulħadd, mhux kollox f’idejn klikka żgħira. Dal-pajjiż għandu bżonn gvern li verament jaħdem fl-interess nazzjonali. Il-pajjiż jixraqlu gvern li jkun jaf fejn sejjer għax il-punt tat-tluq kif ukoll id-destinazzjoni huma l-familji.
Jeħtieġ bidla fil-politika ekonomika u soċjali
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li wara 12-il sena joħloq il-problemi minħabba n-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul, flok investiment f’waqtu fl-infrastruttura bħal ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tad-dawl, it-tisfija tad-drenaġġ, sistemi moderni tat-trasport, jindirizza d-diżastru li ħallew warajhom il-Vitals u Steward fis-saħħa, il-familji Maltin u Għawdxin, in-negozji ta’ pajjiżna qed jiffaċċjaw problemi dejjem aktar akuti. Dan il-Gvern daħħal lil Malta f’Excessive Deficit Procedure li hi prova oħra li dan il-gvern jagħti l-impressjoni li kollox taħt kontroll, imma l-fatti juru mod ieħor.
Ebda inizjattivi konkreti dwar l-ambjent
Bernard Grech qal li dan il-budget idennes u jħammeġ dan il-messaġġ pożittiv. Hu qal li pajjiż ta’ kwalità fl-ambjent ma tasalx għalih meta titnaqqas il-grant għall-karozzi elettriċi bi €3,000, billi twiegħed u terġa’ twiegħed 1,200 charging point għal tliet snin u f’dan il-budget lanqas jissemmew, mingħajr pjan biex titnaqqas in-noise pollution u ma tasalx għalih bi prim ministru li jgħid li l-inizjattiva tal-land reclamation għadha ħajja u l-Ministru tal-Finanzi jgħid li mhijiex vijabbli.
Il-kwalità ma tinkisibx mingħajr pjan biex ma jibqgħux jarmu d-drenaġġ fil-baħar, mingħajr proġetti għal enerġija li tiġġedded, mingħajr żieda fil-vot għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni elettrika, mingħajr pjan biex jitwaqqfu l-blackouts, mingħajr pjan effettiv fuq il-ġbir tal-iskart u t-telqa madwar il-pajjiż, mingħajr pjan fuq it-traffiku u t-trasport tal-massa.
Jibqa’ jintaxxa l-COLA
Bernard Grech qal li din is-sena, il-gvern ħabbar li l-COLA se tinżel minn €12.81 fil-ġimgħa għal €5.24 fil-ġimgħa. Minkejja li r-rata tal-inflazzjoni niżlet bi ftit fl-aħħar xhur għal 2.1% xorta għadha ferm ogħla mir-rata medja ta’ 1.7% fiz-Zona tal-Ewro. Minkejja li l-COLA suppost qiegħda hemm biex tgħin lil dawk li l-iktar li għandhom bżonn, il-gvern xorta qed jintaxxaha.
Għal min ftit ewros fil-ġimgħa inqas jagħmlu differenza, din hija daqqa fil-laħam il-ħaj, partikolarment meta l-ħajja tkun qed togħla. Effettivament, bit-taxxa fuq il-COLA l-gvern ikun qed jagħtik b’id waħda u jeħodlok bl-oħra.
Fuq il-pensjonanti t-taxxa fuq il-COLA tfisser li ż-żieda fil-pensjoni, dal-gvern ħa miżura oħra li għolla b’sena l-età tal-irtirar għal dawk kollha li twieldu wara l-1976. Dawn se jkollhom jaħdmu sena żejda biex jieħduha. Jekk il-PN jiġi fdat bil-gvern din il-miżura anti-soċjali se titneħħa u jnaqqas ir-rata tal-Income Tax kemm għan-nies u kif ukoll kumpaniji.
Il-PN bi proposti għal tnaqqis ta’ taxxi fuq il-familji
Waħda mill-proposti tal-PN hi li jitnaqqsu l-Parent Rate tax brackets biex il-ġenituri jibqgħalhom aktar flus biex ikopru l-ispejjeż tal-ħajja ta’ kuljum kif ukoll għall-futur ta’ wliedhom. Din ikollha wkoll impatt pożittiv dirett fuq it-tfal. Meta l-ġenituri jkollhom aktar sigurtà finanzjarja, ikunu jistgħu joffru ambjent aktar stabbli u seren għall-familja tagħhom. Għalkemm saru passi ‘l quddiem, Malta għadha fost il-pajjiżi Ewropej b’rata għolja ta’ żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni. Dan mhux accettabbli u l-PN huwa impenjat li b’mod konkret jindirizza dil-problema.
Bernard Grech qal li gvern immexxi mill-PN se jneħħi l-limitu ta’ wlied ta’ 18-il sena għall-kwalifikazzjoni tal-Parent Rate. Jekk it-tfal ikomplu jistudjaw wara l-iskola sekondarja, kemm fl-edukazzjoni terzjarja, post-sekondarja, jew korsijiet vokazzjonali, il-ġenituri tagħhom xorta waħda jkunu intitolati li jkomplu jużaw il-Parent Rate.
Tingħata allowance għall-anzjani b’pensjoni baxxa
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li li jekk jingħata l-fiduċja, titnaqqas it-taxxa li jħallsu l-pensjonanti kollha.
Il-PN qed jipproponi li tingħata għajnuna speċjali għall-ġenituri li ma jħallsux taxxa, bħalma huma nisa li ma jaħdmux barra d-dar u għalhekk ma jħallsux taxxa. Din l-allowance se tagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ dawn il-familji u tgħinhom jgħixu b’aktar sigurtà finanzjarja.
Għajnuna lill-anzjani fid-djar għall-anzjani privati
Bernard Grech qal li gvern immexxi mill-PN ikun kommess li jgħin lil dawk li jgħixu f’residenzi privati għall-anzjani. Il-PN jemmen li dawn in-nies, wara tant sagrifiċċji biex ifaddlu, ma jistgħux jiġu penalizzati meta javvanzaw fl-età u jispiċċaw jonfqu kollox biex ikunu jistgħu jgħixu b’dinjità.
Politika effettiva għal Għawdex mill-PN
Bernard Grech qal li Gvern Nazzjonalista jkollu impenn serju u ffukat fuq Għawdex quddiem l-isfida ta’ gżira ġo gżira. Hu tratta l-infrastruttura u qal li l-istat tat-toroq f’Għawdex huwa tal-biki u dan għandu impatt dirett fuq kull livell u fuq kull possibbiltà ta’ investiment f’Għawdex. Dan il-budget naqqas drastikament in-nefqa fi proġetti f’Għawdex li hi l-akbar daqqa ta’ stallett lill-gżira Għawdxija u lil niesha.
Il-PN qed jipproponi li jsir eżerċizzju ffukat, immirat u intensiv permezz ta’ ħolqien ta’ aġenzija speċifikament iffukata fuq ir-riġenerazzjoni tat-toroq f’Għawdex. Kull proġett ikollu bidu u tmiem stabbilit. Dan l-eżerċizzju jkun wieħed temporanju u qasir imma assolutament bżonjużli għalih hemm bżonn pjan serju.
Dwar l-impjiegi, il-Kap tal-PN qal li hemm bżonn ta’ impenn iffukat flimkien ma’ entitajiet oħra tal-gvern, fosthom il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Malta Enterprise biex jinħolqu units speċjali, li xogħolhom ikun speċifikament li jattiraw investiment sostenibbli li jagħmel sens għall-iskala u r-realtajiet ta’ Għawdex.
Bernard Grech qal li wieħed mill-pilastri tal-ħajja f’Għawdex għandu jkun is-servizz tas-saħħa u sostna li dan il-gvern kien wiegħed sptar ġdida sal-2015 u wara kellu jkun lest f’Mejju tal-2018, iżda minflok sptar gdid u modern dan il-budget naqas bi €15-il miljun l-allokazzjoni għall-isptar f’Għawdex.
Bernard Grech qal li hemm bżonn pjan serju u alternattiv għall-konnettività bejn il-gżejjer li jmur lil hinn mill-Port tal-Imġarr.
Budget li ma solviex il-problemi li ħoloq il-gvern stess
Il-Kap tal-PN qal li dan hu budget li ma solvix il-problemi tan-nies għax dan hu gvern bla direzzjoni u bla pjan.
Għandna għoli tal-ħajja li qed tirranka u meta jogħlew l-affarijiet essenzjali jbatu l-aktar dawk li jifilħu lanqas. Il-Gvern ma indirizzax din il-problema. Għandna problema tat-traffiku li qed tiżdied ta’ kuljum. M’għadhiex teżisti rush hour, imma t-toroq tagħna huma l-ħin kollu staġnati.
Għandna problema li l-Gvern mhux jinvesti fil-ħiliet li l-pajjiż għandu bżonn biex jinħolqu aktar impjiegi u jkollna ekonomija b’value added. Għandna problema li s-servizzi tas-saħħa mhux qed ilaħħqu mad-domanda u infrastruttura, bħall-elettriku, li mhux adegwata. Għandna gvern li jdawwar wiċċu għall-problemi soċjali, li mhux jindirizza l-faqar u li ma jinteressahx li l-pensjonanti mhux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Għandna gvern li mhux jinvesti fl-għalliema, fl-edukaturi u fil-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u professjonisti li joffru appoġġ u kura soċjali. Għandna Gvern li Għawdex mhix fuq l-aġenda tiegħu u li telaq fil-pajjiż b’ ambjent li l-gvern ma jagħtix kasu, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-viżjoni tal-PN
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li wasal iż-żmien għall-bidla. Il-poplu jrid gvern li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-Istat u jaħdem biss fi ħdanhom. Il-pajjiż għandu bżonn gvern iggwidat biss mis-sewwa, dejjem fil-konfini tal-liġi u fl-ispirtu tagħhom.
Hu qal li l-gvernijiet jinbidlu imma l-Istat Malti jibqa’ dejjem hemm u qatt mittiefes. Iktar ma’ jkun qawwi l-istat Malti u iktar ma’ jkun separat mill-gvern, iktar ikun hemm sistema ta’ checks and balances li jżomm lill-gvern tal-ġurnata kontabbli.
Il-poplu jrid gvern li jiddirezzjona l-ekonomija biex tikber bis-sens u għan-nies; irid gvern li jipproteġi u japprezza l-ġurnalizmu ħieles u l-espressjoni ħielsa, mhux jibza’ minnhom; irid Korp tal-Pulizija li ma jħares lejn wiċċ ħadd; gvern li jkun Ewropew dejjem u f’kollox; u jrid gvern li bih dak li hu tiegħek tieħdu bi dritt u mhux trid tixtrih bil-vot tiegħek.
Bernard Gerch qal li dan il-budget joħroġ lill-Gvern ta’ li hu; bla pjan u bla direzzjoni strateġika ta’ gvern li għejja bi Prim Ministru li m’għandux kontroll.
Dan hu gvern b’ministri li ma jikkomunikawx bejniethom; ministri li jaħarbu minn nies u li jdawru wiċċhom għall-problemi tagħhom. Dan hu budget li ma semgħax l-għajta tan-nies kif wiegħed. Anzi, ittarrax iktar.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista, jemmen f’pajjiżna; it-tama u l-kuraġġ tal-PN ġejjin mill-fiducja fil-ħiliet tal-poplu Malti u Għawdxi, li meta jiġu mismugħa u jkollhom direzzjoni jagħmlu suċċess għalihom u għall-pajjiż.
Bil-fiduċja tan-nies, il-PN ikun gvern li jwettaq. Il-PN qiegħed hawn biex joffri tama u fiduċja li mhumiex kliem fieragħ iżda huma pjan bl-iktar konsultazzjoni wiesgħa possibbli.
“Aħna partit ta’ azzjoni, partit ta’ inizjattiva, partit li jagħti direzzjoni. Għalhekk niltaqgħu kuljum ma’ għaqdiet u ma’ kulħadd minn kull settur. Nidejna proċess biex flimkien mal-poplu nfasslu l-manifest elettorali ta’ dak li għandu bżonn pajjiżna.
Il-PN joffri direzzjoni b’saħħitha u ċara għal pajjiżna. Inħares ‘il quddiem li jkompli jaqsam magħkom aktar ħsibijiet dwar il-pjan tagħna għal dan il-pajjiż li tant inħobbu. Din hi Malta li jrid il-poplu. Jekk jagħtina l-fiduċja aħna lesti li nagħtuhielu. Wara snin jgħidilna li l-kbir għadu ġej, wara 13-il budget, dan il-gvern jiġi jgħidilna li rridu mmorru lejn pajjiż ta’ kwalità. X’inhi din ħlief ammissjoni ta’ falliment u medjokrità? Malta minn dejjem kienet, għadha u tibqa’ pajjiż ta’ kwalità. Għax f’dan il-pajjiż huma n-nies li jagħmluha hekk. Bil-bżulija, l-għaqal, it-talent u l-intelliġenza tagħhom. Li għandhom bżonn issa l-Maltin u l-Għawdxin huwa gvern li jirrifletti dawn id-doni nazzjonali. Li għandu bżonn dan il-pajjiż huwa gvern ta’ kwalità; Gvern Nazzjonalista”, temm il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
//= $special ?>