Il-Moviment Graffitti ippreżentaw l-ewwel edizzjoni tal-Premju lill-Prim Ministru quddiem il-Parlament. Huma ħabbru li l-Prim Ministru ġie magħżul biex jirċievi dan il-premju prestiġjuż bħala rikonoxximent tas-servizz leali tiegħu lejn l-iżviluppaturi f’pajjiżna.
Huma saħqu li il-fedeltà assoluta tal-Prim Ministru lejn l-interessi tal-iżviluppaturi f’pajjiżna hija xi ħaġa li ħadd ma jista’ jinnegaha. Dan għaliex il-Prim Ministru dejjem ra kif għamel biex jaqdi lill-iżviluppaturi f’kulma jkollhom bżonn, u ta’ dan jeħtieġ li jirċievi r-rikonoxximent mistħoqq.
Mill-kandidati kollha nnominati fl-ewwel edizzjoni ta’ dan il-premju prestiġjuż, il-Prim Ministru bla dubju jiżboq lil kulħadd bħala prim qaddej tal-iżviluppaturi. Fost il-ħafna preġji tiegħu li jagħmluh ir-rebbieħ evidenti ta’ dan il-premju, il-Prim Ministru spikka għall-mod kif jagħmel kull kutrumbajsa possibbli hekk kif l-iżviluppaturi jiġbdulu l-ispaga.
Huma semmew il-mod kif il-Prim Ministru baqa’ ma daħħalx ir-riforma fil-liġi tal-appelli sabiex l-iżviluppaturi jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin jibnu waqt li għaddej appell. Fost it-testimonjanzi li rċivew, ċertu Joseph Portelli stqarr li jinsab tassew ferħan li l-Prim għażel li ma jdaħħalx din ir-riforma, u ta’ dan se jibqa’ jafhulu.
Punt ieħor li qajmu li jagħmlu il-Prim Ministru kandidat ideali għal dan il-premju kien il-fatt kif ħalla lill-Awtorità tal-Ippjanar tmur kontra deċiżjonijiet tal-Qorti u toħroġ il-permessi għal bini illegali. L-istess Portelli stqarr magħna li lanqas hu stess ma seta’ jemmen li l-Prim Ministru kien lest jagħmel dan għalihom, u li jinsab eternament grat għal dan. Però, dak li għamel lill-Prim Ministru l-unika rebbieħ possibbli ta’ dan il-premju kienet id-deċiżjoni li jibdel il-Pjanijiet Lokali biex jaqdi lill-iżviluppatur ta’ Villa Rosa. Ċertu wieħed “Tal-Franċiż” stqarr li meta talab lill-Prim Ministru biex jibdillu l-Pjanijiet Lokali ħa jkompli jkabbar il-proġett, il-Prim ħatfu fil-kelma u qallu li se jagħmel minn kollox biex jaqdih.
//= $special ?>