Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal mara li kienet issarraf ċekkijiet mill-ħanut tagħha

Mara ta’ 68 sena minn Ħal Qormi, li għandha ħanut fl-istess lokalità, ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammettiet li sarrfet ċekkijiet u kienet tirċievi ammont ta’ flus fuq kull wieħed. Dan wara li numru ta’ persuni kienu jinqdew mingħandha biex jevitaw il-kju tal-bank jew biex ikun jista’ jissarraf qabel id-data eliġġibli biex jissarraf iċ-ċekk. Hija ġiet immultata wkoll is-somma ta’ €25,000.

Carmela Borg ammettiet li bejn l-2014 u l-2020 wettqet ħasil ta’ flus u għamlet kummerċ meta ma kellhiex liċenzja bankarja biex tagħmel dan. Il-Maġistrat Leonard Caruana sema’ li Borg għandha ħanut minn fejn tbigħ prodotti ta’ ikel tal-annimali bħal ġwież, detergents u affarijiet oħra tad-dar.

Mill-ħanut u mill-garaxx biswitu hija kient issarraf ċekkijiet u kienet iżżomm bejn €2 u €20 fuq kull wieħed. F’xi okkażjonijiet kienet anke żżomm 10% tal-valur taċ-ċekk. L-investigazzjoni tal-Pulizija sabu li bejn l-2014 u l-2020 hija ddepożitat madwar 2,060 ċekk fil-Bank of Valletta b’valur totali ta’ €1.2 miljun. Dan meta kienet tiddikjara dħul ta’ €4,000 fis-sena u kellha wkoll €8,400 mill-pensjoni.

Irriżulta wkoll li fl-istess perjodu iddepożitat fil-kont tagħha tal-HSBC 2,403 ċekk b’total ta’ €722,270 waqt li f’kont ieħor tal-isess bank iddepożitat 323 ċekk li ħafna minnhom kienu maħruġa mill-Bank Ċentrali ta’ Malta lil terzi b’valur kumplessiv ta’ €87,000.

L-investigazzjoni sabet li b’kollox iddepożitat 4,903 ċekk b’valur globali ta’ €2 miljun bil-prosekuzzjoni kkalkulat li kienet iżżomm €7.50 fuq kull ċekk u li daħħlet madwar €23,515 minn dan it-tisrif ta’ ċekkijiet. Meta ġie biex jagħti l-piena, il-Maġistrat Caruana qies, fost oħrajn, l-età avvanzata tal-mara, il-kondotta nadifa, u li din kienet l-ewwel darba li xellfet difrejha mal-liġi u l-ammont ta’ qligħ li għamlet.

Kien għalhekk li l-Qorti tal-Maġistrati kkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €25,000 waqt li ordna l-konfiska tat-€23,515 li ġie konkluż li daħħlet mit-tisrif taċ-ċekkijiet.