Lokali Qorti

Sentenza ta’ ħabs għal waħda sospiża fuq traffikar ta’ droga għax bidel ħajtu

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima laqgħet appell ta’ xufier ta’ taxi ta’ 50 sena li sentejn ilu kien ġie kundannat 12-il xahar ħabs fuq traffikar ta’ droga għal waħda sospiża wara li l-Qorti qieset li huwa rabba l-għaqal. Il-Qorti qieset il-fatt ukoll li huwa kellu dipendenza qawwija fuq id-droga kokaina, kellu l-vizzju tax-xorb u tal-logħob tal-ażżard u anke kien taħt kura psikjatrika.

Patrick Gatt residenti Birkirkara, kien ġie kundannat sena ħabs u mmultat €1,800 wara li nstab ħati li fl-2009 inqabad jittraffika l-kokaina f’Paceville. Il-Pulizija arrestat lill-akkużat wara li kien kixfu Alfred Bonnici, ħu t-tfajla li kien joħroġ magħha l-imputat.

Il-Qorti qalet li hija fliet sew ir-rapport tal-Bord tar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li nqabdu bid-Droga. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li fuq kollox Gatt huwa llum persuna riabilitata, jieħu ħsieb lil ibnu, għandu ħajjha stabbli u relazzjoni tajba mal-familja tiegħu, qed jaħdem u jimpenja ruħu bi sħiħ sabiex itejjeb is-sitwazzjoni tiegħu.

Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni, immexxija mis-Supretendent Keith Arnaud u mill-Assistent Kummissarju Dennis Theuma, kienet xliet lil Patrick Gatt li fil-21 ta’ Frar ta’ 15-il sena ilu nstabitlu l-kokaina u li kien qed jittraffikaha.

Fix-xhieda tiegħu, is-Supretendent Arnaud spjega li l-imputat ġie arrestat wara li l-Pulizija rnexxielha tiftiehem mal-akkużat biex iġorr id-droga miegħu permezz ta’ Bonnici. Is-Supretendent kien spjega li Bonnici kien ġie arrestat wara li nqabad bi 13-il borża kokaina f’toilet ta’ stabbiliment f’Paceville fil-15 ta’ Settembru tal-2008.

Bonnici kien instab ħati ta’ pussess u traffikar ta’ kokaina, u kien ġie kkundannat sitt xhur ħabs u ngħata multa ta’ €467. Huwa kien indika lill-Pulizija li Gatt, li dak iż-żmien kien joħroġ m’oħtu, bħala l-persuna li fornietlu d-droga.

Is-Supretendent spjega li b’hekk, Bonnici ntalab iċempel lil Gatt, “qallu li ried għal sitta min-nies” u ftiehmu li jiltaqgħu ħdejn il-mini tas-Swieqi. Spjega, li Gatt wasal fil-post miftiehem u rikkeb lil Bonnici fil-karozza.

Is-Supretendent Arnaud qal li dlonk avviċina lill-imputat, li madankollu “saq minn fuq il-post b’saħħa.” Xehed, li qabel m’għalaq il-bieba tal-karozza, rah jarmi borża tal-plastik. Qal, li l-imputat twaqqaf ftit tal-ħin wara xħin inqabad fit-traffiku, u stqarr li kien hawn li l-Pulizija ġabret il-borża li kien rema Gatt u fiha nstabu 3.08 grammi kokaina mqassma f’ħames boroż żgħar.

Il-Qorti rrevokat is-sentenza ta’ ħabs effettiv fejn minn 12-il xahar priġunerija ġew sospiżi għal erba’ snin. Il-multa ta’ €1,800 baqgħet fis-seħħ kif baqgħu fis-seħħ il-ħlas ta’ esperti mqabbda mill-Qorti.

L-Avukat Jason Grima deher għall-akkużat.