Abdikarim Isman Omar, ta’ 28 sena, tressaq il-Qorti wkoll b’rabta mal-każ tal-persuna mill-Mali u l-ieħor mis-Somalja fuq traffikar ta’ droga li ġew akkużati l-Ħamis waranofsinhar. Il-prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija kienet innotat lil Omar fl-eks parkeġġ tal-Axis. Meta l-Pulizija għamlet tfittxija fuqu, instabu diversi qratas tad-droga. Wara l-arrest tiegħu, huwa nżamm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Id-difiża kkontestat il-validità tal-arrest, li wasslet biex xehed l-ispettur inkarigat mill-arrest u fakkar kif inqraw id-drittijiet lill-akkużat. L-avukat ta’ Isman Omar stqarr li “l-unika ħaġa li tista’ tiġi interpretata bħala suspett, kienet qed tinstab fil-pussess ta’ xi sustanzi strambi… dawn is-sustanzi ma nafux x’inhuma”, u kompla billi qal li “m’hemmx evidenza biżżejjed” li turi li s-sustanzi misjuba fuq Isman Omar kienu maħsuba biex jiġu ttraffikati.
Il-Qorti, wara li semgħet ix-xhieda u s-sottomissjonijiet li saru mill-avukati, iddikjarat li biex il-Pulizija tarresta lil xi ħadd, kulma hemm bżonn huwa li l-Pulizija jkollha “suspett raġonevoli” li l-individwu wettaq reat, u mhux “evidenza” lil hinn minn dubju raġjonevoli”.
It-tieni nett, il-fatt li l-akkużat deher allegatament qed “idur ‘l hemm u ‘l hawn”, “jitkellem ma’ ħaddieħor” filwaqt li kien ukoll allegatament fil-pussess ta’ sustanzi huwa, fil-fehma tal-Qorti, suspett raġjonevoli biżżejjed li jiġġustifika l-arrest ta’ Isman Omar, speċjalment wara li nstab b’sustanza li, fil-valur nominali, hija simili għal sustanza illeċita.
Isman Omar wieġeb mhux ħati, bid-difiża titlob il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għal din it-talba minħabba n-natura tal-akkużi, in-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-akkużat, u l-fatt li l-akkużat m’għandux indirizz fiss f’Malta.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja ta’ Isman Omar u ħarġet ordni ta’ ffriżar. L-avukat tal-għajnuna Legali Martin Farrugia rrappreżenta lil Abdikarim Isman Omar, li wkoll huwa mis-Somalja. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Jon Leigh Howard.
//= $special ?>