Lokali Qorti

Bint ir-raġel mixli bl-attentat ta’ qtil tal-eks mara marret tgħix man-nanna sforz it-turbulenza li kien hemm fid-dar

Waħda mit-tfal tar-raġel akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ dik li kienet il-mara tiegħu meta allegtament taha sitt daqqiet ta’ sikkina, qalet fil-ġuri li qed isir kontra missierha li hi kienet spiċċat tmur tgħix man-nanna tagħha minħabba l-ġlied li kien ikun hemm fid-dar. Qalet li fi ħdan il-familja tagħha kien hemm turbulenza kbira.

Hija kienet qed tixhed hekk kif issokta l-ġuri li beda nhar it-Tnejn fil-konfront ta’ raġel ta’ 56 sena minn Birkirkara, akkużat li 13-il sena ilu pprova joqtol lil martu u li anke fera lil omm l-eks mara tiegħu li kienet interveniet biex taqbeż għal bintha. Nhar it-Tnejn, fl-ewwel jum tal-ġuri, il-Qorti kienet ordnat biex ma jixxandrux l-ismijiet tal-akkużat u tal-vittmi, u dan biex tiġi protetta l-familja involuta.

L-inċident kien seħħ f’Mejju tal-2011 f’residenza f’Birkirkara fejn waqt l-argument weġġgħet ħafif ukoll ommha, li dak iż-żmien kellha 66 sena. Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ir-raġel qed iwieġeb mhux ħati għal disa’ kapi ta’ akkużi.

It-tifla ż-żgħira tal-vittma u l-akkużat iddikjarat li ma tridx tixhed fil-proċeduri kontra missierha, kif kellha kull dritt li tagħmel skont il-liġi. Madankollu, l-ewwel wildt iddeċidiet mod ieħor u qalet li għexet għal żmien twil għand in-nanna tagħhom u sostniet li t-tfulija tagħha ma kinitx sabiħa għaliex missierha kien isawwat lil ommha u lilha.

Viżibbilment emozzjonata u bid-dmugħ f’għajnejha u leħinha miksur, it-tifla li llum għandha 37 sena, qalet li missierha kellu problema kbira ta’ xorb u ta’ spiss kien jinfexx fihom. Qalet li missierha heddidha li se joqtolha diversi drabi, fosthom erbat ijiem qabel ir-reat.

Dakinhar ix-xhud qalet li sabet lil missierha ma’ wiċċha fi stabbiliment f’Paceville u heddidha li kien se jitfagħha mill-gallarija għal isfel tal-istess stabbiliment. Dwar it-theddid fuq ommha, it-tifla qalet li missierha kien jgħid lill-ommha li ħa jkissrilha l-għadam kollu f’ġisimha u wara joqtolha.

Kompliet tgħid li dakinhar tar-reat, hi kienet xogħol, u ċemplet lil ommha li nstegħmet imbeżżgħa ħafna. Qalet li xħin waslet mix-xogħol, rat lil missierha dieħel ġo karozza tal-Pulizija. “Qalbi ħebbritni” qalet ix-xhud, bil-Pulizija jgħidulha li ommha kienet sfat attakkata minn missierha.

It-tifla, li reġgħet għexet l-esperjenza ta’ dakinhar, kompliet tispjega li xħin rat lil ommha l-isptar, kienet prattikament mejta. Sostniet li ħasbet li ommha kienet mietet u nannitha qaltilha dak il-ħin li għamlet minn kollox biex tgħinha.

Xena makabra għand in-nanna tagħha

Ix-xhud qalet ukoll li meta marret lura fid-dar tan-nanna tagħha, fejn seħħ ir-reat, sabet xena makabra, bid-demm ma setax jinqala’ b’xejn minn mal-ħitan u l-art. Qalet li grazzi għan-nannu, u għax ħadmet fuqha nnifisha, illum tista’ titkellem dwar dak kollu li għaddiet minnu minn missierha.

Ix-xhud qalet li waqt li missierha kien ma’ ommha, kellu relazzjoni ma’ mara oħra. Ikkonfermat ukoll li għamlet tliet rapporti fil-konfront ta’ missierha. Meta wieħed mill-ġurati staqsieha jekk ittiħditx xi tip ta’ azzjoni, qalet li ma tafx u għal din ir-raġuni għadha mbeżżgħa sal-ġurnata tal-lum.

Xehed ukoll, il-ħabib tal-vittma li kien magħha f’jum minnhom Wied iż-Żurrieq. Qal li lemħu lill-eks raġel tal-vittma waqt li kienu fil-karozza. Dakinhar kien beda miexi fid-direzzjoni tagħhom, mar għan-naħa tal-bieba tal-mara u pprova jiftaħha iżda ma rnexxilux għax kienet imsakkra.

Lura fi triqtom waqfu ħdejn ħanut tat-tyers biex jiġbru l-karozza tal-vittma, fejn il-ħabib tagħha lemaħ mill-ġdid lill-akkużat. Ir-raġel staqsieh għala kien qed isegwihom, bl-imputat jiċħad u telaq minn fuq il-post.

Ir-raġel u l-vittma marru jagħmlu rapport l-għassa dwar l-aġir tal-imputat. Qal li wara wassalha d-dar, ftit sigħat wara, irċieva telefonata li l-akkużat kien daħal fid-dar ta’ ommha, u ħebb għaliha b’sikkina. Xhud ieħor kienet il-ħabiba ta’ waħda mill-ulied u qalet li dakinhar tar-reat, omm il-vittma ħarget tiġri barra mir-residenza tagħha aġitata u tgħajjat “Ara xi ġralna”. Żiedet li fuq il-post rat ukoll lill-akkużat miexi lil hinn mid-dar.

Inqrat ukoll ix-xhieda ta’ omm l-istess ħabiba ta’ waħda mill-ulied minħabba li llum il-ġurnata l-mara mietet. Il-mara kienet qalet li hi u bintha semgħu l-għajjat minn barra u xħin ħarsu barra raw lill-omm il-vittma bid-demm.

Huma marru jipprovaw jagħtu l-assistenza tagħhom fir-residenza. Qalet li l-vittma kienet mimlija demm, nofsha mejta, ipprovaw ipoġġuha f’pożizzjoni komda u ċemplu għall-ambulanza. Pulizija li eskortat lill-vittma mix-xelter għall-Qorti minħabba proċeduri li l-vittma fetħet fil-konfront tal-akkużat, xehdet li kif ħarġet lill-vittma mill-awla sabiex joħorġuha mill-binja tal-Qorti, l-akkużat kien qed jistenna fil-kurutur u qabad jheddidha u jgħidilha: “Jien lilek mhux hawn insibek, imma barra”.

Xhud ieħor kienet rappreżentanta tax-xelter ‘Dar Merħba Bik’. Qalet li l-vittma, għalkemm kienet ilha separata 14-il sena minn mar-raġel, huwa xorta waħda kellu kontroll fuqha, kien isegwiha u anke jheddidha.

Qalet li l-vittma stqarret li sar ukoll xi theddid fuq l-ulied fejn mhux l-ewwel darba li mar wara l-bieb tax-xelter. Kien jheddidha li la toħroġ mix-xelter jitfagħha f’siġġu tar-roti u jirbaħ ikla ħabs minn fuqha. F’ġuri li għandu jdum ftit tal-jiem, xehdu wkoll uffiċjali tal-Pulizija li eżaminaw ix-xena tar-reat.

Qalu li fir-residenza sabu bosta għamara maqluba, li tathom x’jifhmu li seħħ argument qabel l-akkużat ħebb bis-sikkina għall-vittma. Qalu wkoll li s-sikkina nstabet fil-barriera, biswit il-mitħna ta’ Birkirkara. Xhud ieħor kien it-tabib li eżamina lill-omm il-vittma u qal li l-mara kienet sfat milquta minn sikkina.

Tenna wkoll li l-anzjana kellha qata’ twila madwar pulzier fuq idha tal-lemin u oħra nofs pulzier fuq idha x-xellugija; ġrieħi klassifikati bħala ħfief.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kenneth Camilleri u Kaylie Bonett f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat qed tidher l-Avukat Josephine Mifsud Farrugia waqt li l-Avukat tal-għajnuna legali Alexandra Mamo, qed tidher għall-vittma.

Il-każ ikompli.