Lokali Qorti

Brażiljana mixlija b’importazzjoni ta’ kokaina fl-istonku tagħha twieġeb mhux ħatja

Brażiljana ta’ 22 sena li ġiet arrestata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li nqabdet timporta valur ta’ €130,000 kokaina ġewwa żaqqha, wieġbet mhux ħatja fil-Qorti t-Tlieta. Il-Qorti semgħet kif Tainara Dernandes Da Silva nqabdet iġġorr 66 kapsula kokaina fl-istonku u fil-parti ġenitali tagħha waqt li kienet qed tivvjaġġa fuq titjira minn Barcelona għal Malta nhar il-Ħadd.

Waqt seduta ppreseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, il-Qorti semgħet kif uffiċjali tal-Pulizija kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fuq passiġġieri fuq it-titjira. Innutaw lill-mara taġixxi b’mod suspettuż, u malli nnotat il-preżenza tal-Pulizija, ippruvat taħrab iżda mill-ewwel inqabdet.

Saru testijiet tal-X rays u ġie żvelat li Da Silva kellha droga moħbija ġewwa ġisimha. Hija ttieħdet l-Isptar Mater Dei, fejn irriżulta li kellha fuqha madwar kilo sustanza suspettata li hija kokaina, b’valur fit-triq ta’ kważi €130,000.

Da Silva wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha, u l-avukat tagħha ma talabx il-ħelsien mill-arrest. Hija nżammet taħt arrest preventiv.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Pace flimkien mal-Avukat Nadia Ciappara f’isem l-Avukat Ġenerali.