Il-Budget li ġie preżentat mill-Gvern ma jagħti ebda indikazzjoni ta’ pjan ekonomiku u soċjali fit-tul. U filwaqt li hemm miżuri tajbin, l-aktar li spikka kien id-diskors politiku mimli retorika.
L-editorjal tat-Times jgħid biċ-ċar li l-Budget ma indirizzax b’konvinzjoni t-tħassib tan-nies. Apparti minn hekk, huwa ta’ tħassib kif il-Gvern ma ta ebda soluzzjonijiet biex jindirizza l-isplużjoni fil-popolazzjoni li ġab hu stess; kwistjoni serja li qed tpoġġi pressjoni enormi fuq is-servizzi pubbliċi.
Il-Budget fih ftit li xejn miżuri konkreti u azzjonijiet tanġibbli biex l-ekonomija ddur lejn attività li tkun ta’ valur miżjud.
U apparti aspetti li se jħallu impatt pożittiv, it-Times titkellem ukoll fuq il-problemi kbar fis-settur tas-saħħa; tant li s-settur mhux ilaħħaq mad-domanda kbira li qed ikollu fuqu – mill-ġdid, kaġun taż-żieda enormi fil-popolazzjoni.
L-editorjal isemmi kif in-nies jinsabu mxebbgħin bil-kaos tat-traffiku, bit-tniġġis fl-arja, bil-baħar kontaminat, u bi spazji pubbliċi li qed jispiċċaw okkupati. Tant li dawn qed iħallu effett enormi fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
It-Times ittemm l-editorjal billi tinsisti li n-nies għadhom qed jistennew pjan fit-tul u b’ambizzjoni minn naħa tal-politiċi – xi ħaġa li l-Budget ma offriex.
//= $special ?>