L-OPINJONI
Birkirkara kisbu d-disa’ rebħa konsekuttiva wara li huma għelbu lil Naxxar Lions b’gowl uniku skurjat lejn tmiem il-partita. Kienet logħba li żvolġiet aktar diffiċli milli mistenni għall-Istripes, li iżda finalment ħadu dak li riedu, tliet punti oħra biex baqgħu bla megħluba wara għaxar logħbiet. Mhux talli hekk talli komplew ikabbru l-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika bis-saħħa tad-draw bejn l-eqreb timijiet Floriana u Sliema Wanderers. Mill-banda l-oħra, Naxxar Lions ser ikunu qed jikkompetu fir-Relegation Round tal-anqas fl-Opening Round u jridu juru titjib peress li l-kompetizzjoni ser tkun waħda ħarxa. Iżda din il-wirja tista’ tqawwilhom qalbhom li jistgħu jġibu aktar riżultati pożittivi.
Ir-rivali eterni Floriana u Sliema Wanderers iltaqgħu fil-logħba prinċipali tal-għaxar ġurnata tat-360 Sports Malta Premier. Logħba li ma offriet l-ebda gowl biex taw l-opportunità lil Birkirkara li bir-rebħa minima li kisbu fuq Naxxar Lions komplew iżidu l-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika. Logħba bejn żewġ timijiet li bejniethom rebħu 52 kampjonat, 26 kull tim. Bħala logħba din irriżultat bħala waħda nieqsa ħafna mill-azzjonijiet fejn il-gowlkeepers rispettivi ma tantx kienu impenjati. Sliema kienu l-aħjar tim fejn kienu huma li resqu l-aktar lejn il-lasta opposta, huma li kienu l-aktar perikolużi. Wieħed stenna xi ħaġa aktar mill-Greens li naqsu li jkunu kreattivi bl-attakkanti tagħhom ikunu newtralizzati mid-difensui tal-Blues.
Mosta aċċertaw minn post fiċ-Championship Round wara li huma kisbu rebħa oħra din id-darba kontra Melita bl-iskor ta’ 2-1. Din kienet it-tielet rebħa konsekuttiva għal Mosta u r-raba’ rebħa mill-aħħar sitt logħbiet. Meta wieħed iħares lejn il-bidu li kellhom Mosta għal dan l-istaġun u fejn waslu issa, jara kemm għamlu avvanzi. Minn tim li ħafna kritiċi qalu li żgur ser ikunu mal-aħħar sitta, għal tim li ser jeħodha mal-kbar. Melita ser ikunu qegħdin jilagħbu mal-aħħar sitta wara kollox kif kien imbassar qabel beda l-kampjonat. Imma li ħadd ma kien jaf hija li Melita kienu ser jagħtu sfida denja lil kull avversarju. Tim li bil-limitazzjonijiet tiegħu jista’ jħossu kburi b’dak kollu li nkiseb s’issa.
Nathan Agius skorja l-gowl tar-rebħa għal Mosta (Ritratt: Trevor Sollars)
Gżira United irritornaw għar-rebħ wara li huma għelbu lil Żabbar SP bl-iskor ta’ 3-1. Rebħa li hija waħda kruċjali għall-Maroons li jkomplu jittamaw li jistgħu jkunu mal-ewwel sitta. Fil-fatt huma jinsabu tliet punti fuq Marsaxlokk u Ħamrun Spartans, u punt mill-aħħar logħba kontra dawn tal-aħħar ikun biżżejjed sabiex huma jispiċċaw fin-naħa t-tajba tal-klassifika.
Żabbar SP jibqgħu ankrati fl-aħħar post tal-klassifika fejn wara bidu tajjeb għal dan il-kampjonat, huma għaddew minn mumenti xi ftit diffiċli fejn anki ħadu d-deċiżjoni li jibdlu t-tmexxija teknika. Għalihom din kienet it-tmien telfa tal-istaġun fejn possibbilment naraw titjib minnhom fir-Relegation Round meta jkunu qegħdin jeħduha ma’ timijiet tamparhom.
Gżira rritornaw għar-rebħ kontra Żabbar SP (Ritratt: Joseph Galea)
Ħamrun sofrew ir-raba’ telfa konsekuttiva wara li huma sfaw megħluba minn Marsaxlokk bl-iskor ta’ 3-2. L-Ispartans kienu ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi li bihom inqatgħu mit-timijiet ta’ fuq. Dawn ir-riżultati waslu sabiex tikber il-pressjoni fuq il-players u l-kowċ tat-tim Alessandro Zinnari. Din il-logħba kienet importantissima għall-Ispartans sabiex jibdew it-triq tal-irkupru. Iżda quddiemhom sabu t-tim determinat ta’ Marsaxlokk li minn qiegħ il-klassifika wara ħames logħbiet u mingħajr ebda punt għal ċans li jistgħu jagħmluha mat-Top Six. Il-logħba tas-Sibt ipproduċiet ħames gowls imma esponiet il-problemi li għaddejjin minnhom Ħamrun Spartans fejn it-tim mhux qed jiffunzjona kif suppost. Difiża beraħ u attack ineżistenti.
Marsaxlokk jegħlbu lil Ħamrun Spartans 3-2 (Ritratt: Joseph Galea)
Hibernians kisbu rebħa minima bl-iskor ta’ 1-0 kontra Balzan biex ikkundannaw lil dawn tal-aħħar għal post mal-aħħar sitta. Kienet logħba li ftit li xejn offriet lil ftit spettaturi li kienu qegħdin fit-Tony Bezzina Stadium. Kellu jiddeċiedi gowl tas-sostitut Carvalho li skorja gowl sabiħ fuq id-dawra. Il-Pawlisti kienu ilhom sentejn ma’ jirbħu kontra Balzan iżda din id-darba l-istorja kienet differenti. Tliet punti li bihom it-tim immexxi minn Branko Nisevic issa jinsab fit-tieni post tal-klassifika, punti daqs Floriana. Għal Hibernians din kienet is-sitt rebħa tal-istaġun filwaqt li jkompli l-mument diffiċli ta’ Balzan li sofrew is-sitt telfa minn għaxra u jkomplu jokkupaw l-għaxar post tal-klassifika.
INNUTAJNA
LI qabel il-partita kontra Balzan l-attakk ta’ Hibernians Jurgen Degabriele kien ippreżentat bi flokk bin-numru 100 li huwa n-numru ta’ gowls li skorja fil-Kampjonat Premier.
LI la qed nitkellmu dwar flokkijiet għadni ma nistgħax nifhem kif tħalla jilgħab il-gowlkeeper ta’ Ħamrun Spartans Henry Bonello meta l-kulur tal-flokk tiegħu kien l-istess bħal dak tar-referee u sħabu. Iva possibbli wasalna fi stat fejn kollox jgħaddi.
//= $special ?>