Lokali

Ebda tender għall-Isptar il-ġdid f’Għawdex

Il-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela kkonferma li s’issa l-Għawdxin ser jibqgħu fil-limbu rigward il-bini ta’ Sptar ġdid f’Għawdex – l-istess sptar li l-Għawdxin ilhom jistennew snin sħaħ.

Il-Ministru sostna magħna li m’għandux data speċifika ta’ meta ser joħroġ it-tender sabiex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq il-bini tal-Isptar. Però qal biss li bħalissa l-Gvern għadu għaddej bl-istudji.

Dan apparti li għadu ma nstabx post adegwat għall-bini ta’ dan l-Isptar il-ġdid.

Viżibbilment urtat bil-mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon, il-Ministru tas-Saħħa għażel li jinħeba wara s-suppost studji li qed isiru. U sostna li mhux xogħlu li jidħol fil-proċess tat-tender – anke jekk Net News kien qed jistaqsi biss għad-data.

U minkejja l-karba tal-poplu Għawdxi, il-Gvern ta’ Robert Abela, il-Ministru tas-Saħħa baqa’ ma tax indikazzjoni ta’ meta ser jiftaħ il-proċess tat-tender għal dan l-isptar.

Fl-aħħar xhur kompliet toħroġ dejjem aktar ċara l-ħtieġa ta’ Sptar ġdid – Sptar li kellu jsir minn Vitals u Steward, u li baqa’ qatt ma sar. Anke wara li l-Gvern ħareġ mal-€400 miljun mit-taxxi tagħna; bl-isptar il-ġdid jibqa’ biss ħolma.