Internazzjonali

Elezzjoni Stati Uniti 2024: Arrestati f’Michigan dwar theddid – b’Donald Trump fost il-‘miri’

L-aġenti tal-FBI fl-Istat ta’ Michigan arrestaw  żewġ persuni wara li huma ħarġu bit-theddid relatat mal-elezzjoni Presidenzjali.

U skont il-gazzetta Detroit News, wieħed mis-suspettati kellu konnessjoni ma’ kumplott għall-assassinar ‘potenzjali’ tal-Eks President Amerikan, Donald Trump, li qed jikkuntesta l-elezzjoni għan-nom tal-Partit Repubblikan.

Dan ir-raġel, identifikat bħala Isaac Sissel, allegatament bagħat messaġġ fuq Reddit taħt il-‘username’ “ShootUpTrumpRally” . Sissel, wara, qal lill-investigaturi li ‘s-sitwazzjoni (fil-pajjiż) kellha taqleb għall-aħjar li kieku (Donald) Trump kellu jitlef  ħajtu’.

Intant, f’każ ieħor separat, raġel minn Jackson-Christopher Clay Pierce – hu akkużat li ħareġ bit-theddid kontra kumitat għall-azzjoni politika (PAC) affiljat mal-Partit Demokratiku tal-Viċi President Amerikan, Kamala Harris.

Pierce, qabel, kien imwissi diġà mill-FBI li kellu jiffaċċja l-akkużi dwar reat f’każ li hu jkompli jiċċirkula t-theddid online. Iżda minkejja t-twissija, dan ir-raġel kompla bil-kampanja ta’ intimidazzjoni fir-rigward tal-PAC inkwistjoni.