Internazzjonali

Franza: Qed jgħaddu ġuri dwar il-qtil brutali ta’ għalliem li xxokkja lill-pajjiż

F’Pariġi beda l-ġuri ta’ tmien persuni  akkużati li ‘inkoraġġew’ il-qtil brutali ta’ Samuel Paty; l-għalliem li spiċċa b’rasu maqtugħa barra wara li spiċċa attakkat meta hu kien fit-triq barra l-iskola fejn kien qed jgħallem. L-attakk seħħ erba’ snin ilu – fis-16 ta’ Ottubru tal-2020 – u l-proċess tal-qorti għandu jkompli sal-aħħar ta’ Diċembru.

Il-qattiel f’dan il-każ – Abdoullakh Anzorov ta’ oriġini Ċeċena – kien inqatel mill-Pulizija ftit wara li wettaq l-attakk u għaldaqstant il-ġuri qed jitratta ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-omiċidju li xokkja lill-pajjiż kollu,

F’dawn is-seba’ ġimgħat,  il-Qorti għandha tisma’ kif il-gidba ta’ studenta – tifla ta’ 13-il sena – wasslet għal sitwazzjoni ‘terribbli u inkontrollabbli’ permezz tal-midja soċjali. Gidba li qanqlet kampanja ta’ mibegħda indirizzata lejn l-għalliem u sal-punt fejn l-aggressur inkwistjoni ddeċieda li jieħu azzjoni ‘għan-nom tal-Islam’.

Fost l-imputati f’dan il-proċess hemm żewġ irġiel akkużati ’li identifikaw lil Paty (fuq l-Internet) bħala ‘persuna li kienet qed iżżeblah ir-reliġjon tagħhom’, minbarra żewġt iħbieb ta’ Anzorov li allegatament ipprovdew lill-qattiel bl-għajnuna loġistika. Fost l-akkużati hemm anki erba’ oħrajn li ‘għenu biex il-qtil iseħħ’ permezz tal-messaġġi u ‘opinjonijiet’ espressi fuq iċ-chatrooms tal-midja soċjali.

Samuel Paty kien jgħallem l-istorja fl-iskola sekondarja ta’  Conflans-Sainte-Honorine, li tinsab qalb is-subborgi fil-Punent ta’ Pariġi.

Hu, fis-6 ta’ Ottubru tal-2020, kien qed jagħti lezzjoni dwar l-importanza tal-ħsieb u l-espressjoni ħielsa lil klassi ta’ adolexxenti u fejn, għal ftit żmien, wera, bħala eżempju, il-cartoons li dehru snin ilu fil-ġurnal Charlie Hebdo u li kienu jitrattaw lill-Profeta Mohammed; il-fundatur tal-Islam.

L-għalliem irrakkmanda biex l-istudenti li ma xtaqux jaraw il-cartoons idawru wiċċhom lil hinn, iżda wara, waħda mill-bniet li kienet tattendi l-istess skola gidbet lil missierha u qaltlu li kienet ikkuntestat lill-għalliem bħala parti minn fantasija li ħolqot hi stess u fejn sostniet li Paty’ kien talab lill-Musulmani biex jitilqu mill-klassi biex ikun jista’ juri r-ritratti li ma jagħmlux ġieh lill-Profeta.’

Fil-verità, it-tifla, kienet spiċċat iddixxiplinata mill-għalliem għal raġuni ferm differenti mill-versjoni li tat u fil-fatt, hi ma kenitx preżenti fil-klassi meta hu kien qed jgħallem lill-istudenti l-oħra dwar il-libertà tal-espressjoni.

Madankollu, il-gidba infirxet – bil-videos u l-messaġġi fuq Facebook li trattaw ‘lill-insulti sfaċċati’ fir-rigward ta’ Mohammed. L-għalliem kien identifikat u l-awtoritajiet tal-iskola bdew jirċievu t-theddid u messaġġi ta’ mibegħda minn madwar id-dinja. Dan ukoll waqt li Anzorov, refuġjat Ċeċen u residenti f’Rouen, iddeċieda li jagħmel vendetta mill-għalliem filwaqt li qabbad lil żewġt iħbieb (li bħalissa għaddejjin ġuri) biex jgħinuh.

Ħabib minnhom kien preżenti meta Anzorov  xtara sikkina u bl-ieħor, imbagħad, jgħin lill-aggressur biex jixtri żewġ replikas ta’ pistola fis-16 ta’ Ottubru – il-jum tal-attakk – u qabel kien wasslu bil-karozza fis-sit tal-iskola.

Intant, mifhum li erba’ imputati oħra – inkluża mara – kienu ddiskutew is-sitwazzjoni  ma’ Anzarov fuq Snapchat u Twitter u fejn, allegatement, inkoraġġewh kontinwament biex iwettaq l-omiċidju.,

L-imputati ammettew dwar ‘il-konnessjoni tagħhom’ mal-każ, iżda qed jiċħdu għall-akkużi dwar ‘kompliċità f’azzjoni terroristika’, inkella dwar xi ‘assoċjazzjoni mat-terroriżmu’.