Il-Pulizija Ġermaniża arrestat lil tmien allegati membri ta’ organizzazzjoni ta’ militanti estremisti akkużati dwar kumplott biex in-neo-Nażisti jaħtfu l-kontroll tar-reġjuni lejn il-Lvant tal-Ġermanja.
Mijiet ta’ uffiċjali tal-liġi ħadu sehem f’diversi rejds fuq ir-residenzi u proprjetà oħra assoċjati ma’ dan il-grupp fl-Istat Ġermaniż ta’ Sassonja kif ukoll fil-Polonja. Intant, il-Prosekutur Federali Ġermaniż qal li l-allegat Kap Ewlieni tal-Organizzazzjoni spiċċa arrestat fil-Polonja u meta wħud mis-suspettati huma identifikati bħala minorenni.
Is-suspettati huma akkużati b’li jiffurmaw parti minn grupp ta’ Separatisti minn Sassonja — Sächsische Separatisten – fejn il-membri (madwar 20) jiċċirkulaw l-ideat u t-teoriji razzisti, anti-semitiċi u, kultant, teoriji oħrajn b’tema apokalitika.
Il-membri kollha tal-grupp jiċħdu b’mod profond lill-ordni liberali demokratika fil-Ġermanja u fejn jippromwovu l-ħsieb li l-pajjiż jinsab ‘qrib ta’ kollass’. Il-Prosekuturi spjegaw li l-grupp fassal kumplott għall-ħtif tal-poter f’Sassonja u, potenzjalment, fi Stati Ġermaniżi oħra tal-Lvant u bil-ħsieb li jwaqqfu strutturi govermentali u soċjali spirati mill-kunċett tas-Soċjaliżmu Nazzjonali ( Nażiżmu).
Il-Ministru Ġermaniż għall-Ġustizzja, Marco Buschmann, qal li l-pjani tal-grupp anki provdew għall-kampanji inumani bażati fuq it-tindif etniku. Hu kompla li l-arresti għandhom ifakkru lill-poplu li l-Istat Ġermaniż Kostituzzjonali, flimkien mas-sistemi ħielsa u demokratiċi fil-pajjiż, qed jiffaċċjaw it-theddid minn diversi kwartieri.
Is-Separatisti ta’ Sassonja twaqqfu bħala grupp fl-2020 u meta ilhom minn dak iż-żmien iħejju biex iwaqqgħu lill-Gvern ‘bil-vjolenza’. Intant, il-Gvern ta’ Berlin ilu jwissi dwar it-theddida li qed tiżviluppa mill-estremisti tal-lemin fil-pajjiż u kemm-il darba ħa l-azzjonijiet biex irażżan lil dawn l-entitajiet perikolużi.
//= $special ?>