Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, keċċa lill-Ministru tad-Difiża Yoav Gallant, waqt li żvela li bejniethom kienet nibtet “kriżi ta’ fiduċja’.
Mifhum li Netanyahu u Gallant kellhom diżgwid kbir dwar kif Iżrael għandu jmexxi l-gwerra kontra l-għedewwa prinċipali. U waqt li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Israel Katz, issa, se jieħu f’idejh id-dekasteru tad-Difiża, Netanyahu qal li hu, fl-aħħar xhur, kien tilef ħafna mill-fiduċja li kellu f’Gallant.
Min-naħa tiegħu, Yoav Gallant bagħat messaġġ fuq il-midja soċjali fejn qal li ‘s-sigurtà tal-Istat ta’ Iżrael se tibqa’ l-missjoni ta’ ħajtu’.
Iżda Netanyahu, fi stqarrija, qal li ‘fl-eqqel ta’ gwerra jinħtieġ li Prim Ministru ta’ pajjiż ikollu fiduċja assoluta fil-Ministru tad-Difiża tiegħu’. Netanyahu kompla li filwaqt li dan m’għadux il-każ, ftit hemm dubju li hu u Gallant kienu ħadmu tajjeb ħafna flimkien waqt l-ewwel xhur tal-kampanja militari ta’ Iżrael kontra t-terroristi tal-grupp Ħamas fil-Medda ta’ Gaza.
//= $special ?>