Repubblika tistmerr rimarki li saru mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fi stqarrija fejn biex ixejjen appell biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Daphne Caruana Galizia, il-gvern qal li “tajjeb li bħala nazzjon nitfgħu ħarsitna fuq aspetti oħrajn li jirrapreżentaw is-soċjetà kollha.”
Il-libertà tal-espressjoni hi t’interess għas-soċjetà kollha.
Qabel xejn, intennu l-frustrazzjoni tagħna li l-gvern juri disprezz totali lill-Parlament. Din l-istqarrija tal-gvern mid-Dipartiment tal-Informazzjoni tikser kull forma ta’ etika għall-ħajja Parlamentari tagħna. Il-gvern qed jirreaġixxi għal mozzjoni mressqa fil-Parlament minn żewġ Deputati. Flok iweġibhom fil-Parlament, il-gvern iweġibhom bi stqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni. Agħar minhekk jikser ir-regoli t’etika dwar l-imġiba tal-Ministri u jġiegħel lid-Dipartiment tal-Informazzjoni jagħmel stqarrijja partiġjana biex jikkritika lil partit politiku.
Iżda li hu l-aktar ta’ sogħba hu li fit-tweġiba tiegħu l-gvern jerġa’ jxejjen it-tama li jżomm wegħdi li għamel snin ilu: (1) li jimplimenta l-miżuri rrakkomandati mill-inkjesta Daphne Caruana Galizia; u li (2) jippubblika white paper għal konsultazzjoni effettiva dwar ir-riformi meħtieġa biex tiġi assigurata l-libertà tal-istampa.
Il-libertà tal-istampa mhix xi privileġġ ta’ settur żgħir tas-soċjetà. Meta jhedded u joħnoq lill-ġurnalisti, il-gvern iċaħħad lis-soċjetà kollha mid-dritt ta’ kulħadd li jkun infurmat.
Nesprimu l-appoġġ tagħna għal riżoluzzjoni Parlamentari li jekk tgħaddi tfakkar lill-gvern fl-impenn li jimplimenta r-riformi rrakkomandati fl-inkjesta pubblika.
Imma dan pajjiż fejn il-gvern jinjora lill-Parlament u jittrattah b’disprezz u jinjora inkjesta pubblika li waqqaf hu stess wara li nqatlet ġurnalista u jarmi r-rakomandazzjonijiet tagħha. Aħseb u ara kemm se jibqgħalna tama li dan gvern li lest jipproteġi l-libertà tal-kelma ta’ min jinvestiga u jikkritika għemilu.
Id-disprezz tal-gvern lejn il-ġurnaliżmu ħieles instab responsabbli minn inkjesta pubblika għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Illum responsabbli għall-kontinwazzjoni tal-istess aġir intimidatorju.
//= $special ?>