Illejla assistejna għal diskors ta’ sagħtejn u kwart li suppost qed iħares ‘il quddiem. Minflok, rajna lil Robert Abela f’attakk sfrenat fuq il-Partit Nazzjonalista.
Minflok jinsab iffukat fuq il-poplu u l-bżonnijiet tiegħu, il-Prim Ministru jinsab medhi jipprova jagħlaq ħalq il-Partit Nazzjonalista.
Imma aħna se nibqgħu nitkellmu. Se nibqgħu niddefendu lill-batut, liż-żgħażagħ, lill-ħaddiema, lill-professjonisti u lil dawk kollha li magħna jridu jaraw pajjiż ta’ kwalità.
F’kummenti li ta wara r-replika tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li pajjiżna għandu Prim Ministru li m’għandu l-ebda soluzzjoni għat-traffiku, għat-tniġġis, għall-qtugħ tad-dawl, għall-qasam tas-saħħa u għar-rimi tad-drenaġġ.
Dan il-Gvern tant m’għandux viżjoni għal pajjiżna li kellu jqabbad kumpanija esperti barranin biex joħolqu l-viżjoni 2050.
Għandna Prim Ministru li mhux f’kuntatt man-nies, li ma jħossx il-polz tal-poplu. Għandna Prim Ministru missing in action. Għandna Gvern out of stock li mhux preżenti fil-ħajja tan-nies.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ juri l-viżjoni tiegħu għall-poplu u għall-pajjiż, għall-familji Maltin u Għawdxin. Gvern ġdid Nazzjonalista se jiggarantixxi li l-ekonomija tkompli tikber u li kulħadd ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Se jagħti s-serħan il-moħħ li kulħadd jista’ tħjimxi ‘l quddiem, u mhux li jimxu biss ‘il quddiem dawk qrib il-Prim Ministru.
Illejla, Robert Abela qalilna li se jibqa’ għaddej kif inhu. Dan ifisser li l-problemi li kellna lbieraħ se jibqgħu magħna għada u sakemm jibqa’ hemm dan il-Gvern.
Se nibqgħu inbatu n-nuqqas ta’ viżjoni, nuqqas ta’ viżjoni li wasslitna biex issa dawk kollha li twieldu fl-1976 u wara se jkollhom jaħdmu sena żejda biex jieħdu pensjoni sħiħa.
Robert Abela qed iqarraq bil-poplu meta jipprova jgħatti dak li ħabbar il-Ministru tal-Finanzi tiegħu stess. Kulħadd fehem li l-Gvern żied sena għall-pensjoni għax trid tħallas sena żejda taxxa.
Il-poplu jrid alternattiva. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ hemm għan-nies. Se jibqa’ juri l-viżjoni tiegħu u se jwettaqaha flimkien mal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
//= $special ?>