Miljuni ta’ Amerikani qed jivvutaw f’waħda mill-aktar elezzjonijiet presidenzjali kruċjali għal għexieren ta’ snin u li għandha tiddeċiedi l-futur tal-Istati Uniti.
L-ewwel riżultati mid-diversi Stati se joħorġu fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa u meta l-proċess għandu jsawwar id-direzzjoni ta’ din il-potenza f’dinja li qed tinbidel kontinwament u meta l-isfidi domestiċi u minn barra għall-Amerikani qatt ma kienu daqshekk sinifikanti
Intant, dan hu l-mument ta’ verità għal Kamala Harris, il-Viċi President tal-Istati Uniti u l-kandidat tal-Partit Demokratiku fil-Gvern,kif ukoll għal Donald Trump, il-kandidat Repubblikan li qed jittama li jirrepeti s-suċċess tal-2016 meta kien elett President ta’ pajjiżu għall-ewwel u l-unika darba.
L-issues li l-aktar li jinteressaw lill-Amerikani huma l-ekonomija, l-immigrazzjoni illegali u l-ħarsien tas-sigurtà interna.
Sadanittant, Harris u Trump, fl-aħħar ġimgħat tal-kampanja, ippruvaw jikkonvinċu lid-diversi setturi tal-elettorat u fuq kollox lill-votanti indeċiżi li għandhom l-aħjar ideat biex imexxu l-pajjiż ‘il quddiem huma u jiffaċċjaw numru ta’ issues oħra li wkoll huma preokkupanti għall-parti kbira tal-poplu.
Min-naħa tagħha, Kamala Harris qed tippromwovi d-drittijiet għall-abort filwaqt li wiegħdet biex tnaqqas l-ispejjeż tal-ikel u l-housing għall-familji tal-ħaddiema.
Min-naħa tiegħu, Donald Trump mill-ġdid ibbaża ħafna mid-diskorsi tiegħu fuq l-immigrazzjoni illegali u fejn wiegħed biex jagħlaq il-fruntiera bħala mezz biex iħares kontra l-infiltrazzjoni tal-pajjiżi mill-elementi mfissra bħala kriminali. Fl-istess ħin, Trump wiegħed li, bħala President, għandu jaqta’ l-ekwivalenti ta’ triljuni ta’ dollari fit-taxxi għall-poplu.
L-Amerikani mhux biss qegħdin jagħżlu lill-President għall-erba’ snin li ġejjin iżda qed jagħżlu wkoll lill-membri tal-Kungress Amerikan. Fl-istess ħin, numru ta’ Stati qegħdin jivvutaw dwar id-drittijiet għall-abort.
Hu konfermat li ‘l fuq minn 82 miljun Amerikan laħqu vvutaw qabel il-Jum tal-Elezzjoni uffiċjali – madankollu jistgħu jgħaddu l-jiem sakemm il-poplu jsir jaf dwar ir-rebbieħ jew rebbieħa. Dan fi proċess fejn kull vot jgħodd – speċjalment fis-seba’ l-aktar Stati importanti magħrufin bħala Swing States – u meta r-riżultati fid-diversi Stati kapaċi jgħaddu mill-kuntestazzjoni fit-tul min-naħa ta’ partit jew ieħor.
Is-seba’ Stati li kapaċi jiddeċiedu r-riżultat finali tal-elezzjoni huma Pennsylvania, Wisconsin, Nevada, Arizona, North Carolina, Georgia u Michigan.
//= $special ?>