Brażiljana ta’ 22 sena ġiet arrestata mal-wasla tagħha fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara li nqabdet bid-droga moħbija fl-istonku u f’partijiet oħra ta’ ġisimha.
Waqt li l-Pulizija kienet qed twettaq spezzjonijiet ta’ passiġġieri li ġew minn titjira diretta minn Barcelona, ftit wara l-11am tal-Ħadd li għadda, innutaw movimenti suspettużi tal-mara.
Malli indunat bil-preżenza tal-Pulizija, hija ppruvat taħrab, iżda nqabdet mill-ewwel.
Saru testijiet b’x-ray, bl-assistenza ta’ uffiċjali tad-Dipartiment tad-Dwana, fejn irriżulta li hija kellha moħbija sustanza suspettata li hija droga. Għaldaqstant, il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei, fejn irriżulta li kellha fuqha madwar kilo sustanza suspettata kokaina, b’valur fit-triq ta’ kważi €130,000.
Il-mara mistennija titressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo.
//= $special ?>