Vuk Milic ta’ 22 sena u li huwa mis-Serbja, mixli bil-qtil ta’ Jesmond Gatt ta’ 54 sena f’Lulju li għadda, fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli, fetaħ qalbu ma’ infermier u qallu li hu għandu personalità doppja. Li kien qed jisma’ vuċijiet li ordnawlu biex joqtol kemm lil Jesmond Gatt kif ukoll lill-pazjent l-ieħor li kien fil-kamra tiegħu, ċertu Hamza.
Dan irriżulta hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni tal-istess Milic li qed iwieġeb mhux ħati li qatel lil Jesmond Gatt. Huwa qal lill-infermier Silvio Todaro li xehed fil-Qorti, li kien konxju dwar l-inċident u spjega li l-personalità doppja tiegħu għandha n-naħa l-ħażina u n-naħa t-tajba. Kienet in-naħa l-ħażina li ġiegħlitu jasal għall-vittma.
Qal ukoll lill-infermier Ii l-parti t-tajba tal-personalità tiegħu ħadet ‘over’ wara ftit tal-ħin u ġegħlitu jieqaf milli jkompli l-assalt fuq Gatt u jieqaf ukoll milli jattakka lil Hamza. Imbagħad, huwa qajjem lil Hamza li kien rieqed fil-fond u t-tnejn bdew jgħajtu għall-għajnuna.
Xehed ukoll l-Ispettur Wayne Camillieri li qal li fit-13 ta’ Lulju ġie infurmat li Jesmond Gatt kien instab f’qagħda xejn sabiħa fejn beda ħiereġ ħafna demm mill-kamra tiegħu fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli, li kien qed jaqsam mal-akkużat u ma’ Hamza.
Hamza ma setax jispjega x’ġara peress li kien rieqed u mhux f’sensih. L-akkużat spjegalu għall-ewwel li kien taħt l-impressjoni li Gatt kien żelaq f’għadira ilma waqt li kien qed jilbes ix-xorts biex jorqod. Intant Gatt ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn miet 19-il jum wara.
Peress li l-ġrieħi dehru suspettużi, il-Maġistrat inkwerenti ġie infurmat u ordna inkjesta. Aktar suspetti qamu waqt l-inkjesta minħabba li ġie skopert li d-diversi ġrieħi kien ġarrabhom f’rasu. L-Ispettur qal li l-akkużat imbagħad biddel fehmtu b’mod volontarju u ta numru ta’ stqarrijiet fejn spjega li kien hu li aggredixxa lil Gatt.
L-akkużat spjegalu wkoll li waqt l-attakk, bidel fehmtu u volontarjament waqaf milli jkompli bl-aggressjoni tiegħu fuq Gatt. Sar magħruf ukoll li anke l-akkużat kien taħt medikazzjoni. Id-difiża esprimiet bil-miftuħ il-fatt li kienu qed jikkunsidraw li jqajmu eċċezzjoni ta’ ġenn waqt it-twettiq tar-reat.
It-talba madankollu biex jinħatar espert indipendenti f’dan l-istadju ġiet miċħuda mill-Qorti, għar-raġuni li d-difiża għadha ma qajmitx l-eċċezzjoni ta’ insanità. Id-difiża infurmat lill-Qorti li se jkunu qed jużaw l-artiklu 41 tal-kodiċi kriminali u jippreżentaw provi anke ta’ esperti f’dan l-istadju biex jaffermaw l-istat tal-akkużat fil-ħin tat-twettiq tal-allegat reat qabel ma jagħmlu xi talbiet.
L-Avukati Josè Herrera, Alex Scerri Herrera u Matthew Xuereb qed jidhru għall-akkużat. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit qed jidhru għall-familja tal-vittma. L-Avukati tal-AĠ Kaylie Bonett u Darlene Grima qed imexxu l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi Kurt Colombo Zahra u Wayne Camilleri.
Il-każ li qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, se jkompli fl-10 ta’ Diċembru li ġej.
//= $special ?>