Raġel ta’ 51 sena minn San Pawl il-Baħar bi problema akuta ta’ droga u magħruf sew mal-Pulizija, ġie kkundannat 17-il xahar ħabs mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li ammetta li seraq ammont ta’ flus u oġġetti li ma jaqbżux is-somma ta’ €2,329.37ċ.
Brooks Lia, ammetta li fis-17 ta’ Ottubru li għadda wettaq serqa minn vettura fil-ħin ta’ bejn is-2pm u l-4pm li kienet ipparkjata fi Triq il-Laċċi, San Pawl il-Baħar. Hu ammetta wkoll li fl-istess żmien, lok, data u ċirkostanzi naqas li jħares xi waħda jew uħud mill-kundizzjonijiet imposti mill-Maġistrat Astrid May Grima fid-digriet tagħha, li bih tagħtu l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija.
Ammetta wkoll li fl-istess żmien, lok, data u ċirkostanzi naqas milli jħares xi waħda jew uħud mill-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello fid-digriet tagħha li bih aktar minn sentejn ilu tagħtu l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija. Lia ammetta wkoll li sar reċidiv.
Il-Qorti semgħet is-sottomissjonijiet magħmula mill-prosekuzzjoni u mid-difiża dwar il-piena u
kkunsidrat li l-imputat ammetta l-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu, u għaldaqstant, fuq l-ammissjoni volontarja u inkondizzjonata tiegħu, iddikjarat li m’għandhiex triq oħra ħlief li ssib lill-imputat ħati.
Dwar il-piena, il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni l-ammissjoni ferm bikrija tal-imputat, tal-fatt li wera koperazzjoni mal-awtoritajiet investigattivi, tal-karattru kkulurit tiegħu u taċ-ċirkostanzi l-oħra tal-każ, u kkundannatu 17-il xahar priġunerija u għaldaqstant irrevokat il-ħelsien mill-arrest tiegħu li kien ġie mogħti lilu.
Il-Qorti qalet ukoll li ġaladarba f’dan il-proċediment ma kien hemm l-ebda espert nominat, qed tastjeni milli tieħu konjizzjoni tat-talba tal-Prosekuzzjoni dwar dan u qed toħroġ Ordni ta’ Trażżin fil-konfront tal-imputat a favur il-vittma għal żmien sentejn mil-lum.
A tenur tal-Artikolu 412D tal-Kodiċi Kriminali, il-Maġistrat Frendo Dimech ordnat li l-imputat jingħata
Ordni ta’ Trattament għal tliet snin sabiex jegħleb il-problema kbira tiegħu tad-droga, li ilha għal diversi snin.