Lokali

Budget bla soluzzjonijiet għall-problemi tal-pajjiż


– Jerome Caruana Cilia, PN

Budget bla direzzjoni, bla soluzzjoni u bla viżjoni. Budget li ma jindirizzax l-akbar problemi tal-pajjiż.
Hekk iddeskriva l-Budget 2025 ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia f’diskors waqt aġġornament fil-Parlament.

Id-deputat Nazzjonalista pprovda elenku ta’ problemi dejjem jikbru li qed ixekklu l-iżvilupp tal-pajjiż u jitfgħu lura l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti. Fosthom, hu semma’ l-għoli tal-ħajja, it-traffiku f’kull ħin tal-ġurnata, l-overpopulation bla ppjanar, sfidi fis-sistema edukattiva u tas-saħħa, kif ukoll it-telqa ġenerali madwar il-pajjiż. Hu spjega kif il-pajjiż, mill-pubbliku sal-korpi kostitwiti, ittamaw li dan il-budget jibda joffri xi tip ta’ soluzzjonijiet f’dawn l-oqsma, iżda minn dan, il-Gvern ma pprovda xejn.

Jerome Caruana Cilia rrefera wkoll lejn l-islogan medjatiku magħżul mill-Gvern, “Naħdmu lejn pajjiż ta’ kwalità”, u ġibed l-attenzjoni kif dan minnu nnifsu huwa ammissjoni ta’ falliment tal-politika tal-Gvern li għal snin twal għażel il-kwantità biss qabel il-kwalità. Dan minkejja li l-PN kien ilu għal snin twal jiġbed l-attenzjoni tal-Gvern li din il-politika kien se jkollha effetti ferm negattivi fuq il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti, appelli li għal snin twal waqgħu fuq widnejn torox.

Waqt l-aġġornament, Caruana Cilia analizza l-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna, u ġibed l-attenzjoni għall-fatt li d-dejn ta’ Malta kien se jaqbeż iċ-ċifra ta’ €11-il biljun sal-aħħar tas-sena. Fakkar ukoll li pajjiżna se jibqa’ fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tal-Kummissjoni Ewropea, kif ammetta l-istess Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana fl-istess diskors tal-budget.

Id-deputat Nazzjonalista spjega kif barra li huwa mażżra ma’ għonq uliedna u wlied ulienda, ammont kbir ta’ dejn huwa fattur ieħor li jgerrex l-investiment serju.

Hu kritika l-kultura tat-tberbiq li kompliet tiggrava fl-aħħar snin, bil-Prim Ministru Robert Abela f’erba’ snin jirnexxilu jirddoppja d-dejn kollu li pajjiżna għamel mill-Indipendenza ‘l hawn.

Hu fakkar kif mhuwiex biss il-Partit Nazzjonalista li qed jitkellem dwar il-bżonn ta’ bidla fid-direzzjoni. Ikkwota stħarriġ ippubblikat minn gazzetta lokali li jgħid li 70% tal-popolazzjoni tgħid li l-pajjiż miexi fid-direzzjoni ħażina, kif ukoll l-SME Barometer, fejn 80% tal-intrapriżi żgħar u medji qalu l-istess ħaġa.
“Il-poplu Malti u Għawdxi kollu stenna li dan il-budget, minbarra li joffri soluzzjonijiet għall-isfidi li nħabbtu wiċċna magħhom ta’ kuljum, stennejna li joffri viżjoni, direzzjoni ta’ fejn se nieħdu dan il-pajjiż. Iżda għadda budget ieħor fejn il-Gvern tilef din l-opportunità”, żied jgħid Caruana Cilia.

B’mod partikolari, ix-Shadow Minister Nazzjonalista kritika lill-Gvern li ma tefa’ ebda dawl fuq il-pjanijiet tiegħu biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalita għaż-żgħażagħ, jew setturi ġodda li joffru pagi tajbin.

Quddiem dan kollu, id-Deputat tal-PN Jerome Caruana Cilia fakkar li l-pajjiż għandu quddiemu alternattiva ċara. Qal li l-Partit Nazzjonalista joffri tama u fiduċja li huma msejsa mhux fuq kliem fieragħ iżda fuq pjan li qed jinbena fi djalogu bl-akbar konsultazzjoni wiesgħa possibbli. Tkellem dwar kif Gvern Nazzjonalista jrid jgħolli l-livelli ta’ produttività billi noħolqu xogħol ta’ kwalità b’pagi li jrendu, iżda fuq kollox, esprima impenn sħiħ li dak li jitwiegħed lill-poplu Malti u Għawdxi, iseħħ fil-prattika.

“Bil-fiduċja tan-nies, il-Partit Nazzjonalista ikun Gvern li jwettaq”, temm jgħid Jerome Caruana Cilia.