Internazzjonali

Donald  Trump: Kif se jiffaċċja lill-konflitti globali bħala President tal-Istati Uniti?

Il-President ġdid tal-Istati Uniti, Donald Trump, fl-aħħar snin qal kemm il-darba li jħobb ikun il-protagonista fl-inizjattivi lejn it-tmiem tal-gwerer u konflitti.

Intant, hu, issa, se jkollu jiffaċċja żewġ konflitti kbar – l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja u l-gwerra ta’ Iżrael kontra l-avversarji tal-Lvant Nofsani – li ma laħqux żbruffaw fiż-żmien meta hu kien qed imexxu lil pajjiżu (sal-2016).

Hemm anki l-problema tal-Korea ta’ Fuq komunista li fl-aħħar snin tat spinta lill-programmi tagħha għall-iżvilupp tal-missili ballistiċi u nukleari li huma theddida kbira oħra għall-Asja u d-dinja.

Intant, qed jikber ukoll il-periklu li l-qawwiet taċ-Ċina, ‘il quddiem, iwettqu offensiva militari totali fuq il-Gżira Stat tat-Tajwan u f’liema każ ikun hemm intervent ‘awtomatiku’ mill-Istati Uniti biex tiddefendi lit-Tajwaniżi.

L-akbar mistoqsijiet huma jekk Trump jipperswadix lill-President Russu Vladimir Putin biex jikkonkludi ftehim għall-paċi mal-Ukrajna. Mistoqsija oħra hi jekk Trump jirnexxilux jiftaħ in-negozjati konkreti mal-Mexxej Korean komunista Kim Jong-un, u jekk il-Presidenza tiegħu twaqqafx xi attakk potenzjali taċ-Ċina fuq it-Tajwan.

Hemm ukoll l-issue tal-Iran fundamentalista li Trump ilu jwissih dwar l-aġir aggressiv tiegħu fil-Lvant Nofsani u meta dan il-pajjiż qed jirranka l-istat tal-ostilità ma’ Iżrael – l-alleat ewlieni ta’ Washington.