Internazzjonali

Elezzjoni Stati Uniti 2024: L-Amerikani preferew il-viżjoni ta’ Trump wara erba’ snin ta’ tmexxija minn Biden

Filwaqt li mhux l-Amerikani kollha jaqsmu l-istess ideat dwar Donald Trump, jidher li l-maġġoranza tagħhom preferew il-viżjoni tiegħu għal pajjiżu wara erba’ snin ta’ tmexxija mill-President Demokratiku Joe Biden.

L-analisti jemmnu li l-elettorat Amerikan ħa nota tal-mistoqsija ewlenija li kien jagħmel Trump waqt kull rally politiku u fejn staqsa jekk ‘il-poplu kienx aħjar, f’termini ekonomiċi, milli kien fi żmienu bħala President tal-Istati Uniti’.

Ħafna nies li din id-darba vvutaw għal Trump qalu li l-ekonomija kienet aħjar taħt il-Presidenza tiegħu u wara li huma, fl-aħħar snin, ingidmu sew mill-effetti tal-inflazzjoni. U għalkemm parti mill-kawża għall-inflazzjoni kienet dovuta għall-influwenzi barranin u l-impatt tal-Covid 19, l-Amerikani kienu ilhom iwaħħlu l-problemi tagħhom fl-Amministrazzjoni ta’ Biden.

Ħafna Amerikani – fuq il-lemin u x-xellug tal-ispektrum politiku – anki lmentaw dwar il-biljuni tad-dollari li ntefqu f’appoġġ militari għall-Ukrajna u meta jemmnu li kien ikun aħjar li  kieku l-flus kienu investiti f’pajjiżhom. U fl-aħħar nett huma ħassew li ma setgħux jivvutaw għall-Viċi President (tal-Partit Demokratiku) Kamala Harris proprju għaliex ma ridux jaraw l-istess politika tal-aħħar snin.

Fil-verità, l-elettorat Amerikan kien ippreżentat b’żewġ versjonijiet tal-Istati Uniti. Waqt li Donald Trump qal li l-Istati Uniti kienet ‘falluta’ u li hu biss seta’ jpoġġiha lura fuq saqajha, Harris wissiet dwar ‘it-theddida reali lid-demokrazija’ f’każ li l-verdett elettorali kellu jkun favur Trump. Ir-riżultat issa hu dak li hu u wieħed irid jistenna biex jara min minnhom, ‘il quddiem, kellu raġun.