Lokali Parlament

Għandu jsir investiment fis-suldati li jwettqu ħidmiet umanitarji barra l-pajjiż


Darren Carabott, PN


Ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott qal fil-Parlament li għandu jsir investiment fis-suldati li jwettqu ħidmiet umanitrji barra l-pajjiż.

Fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Darren Carabott sellem lis-suldati Maltin li qed iwettqu ħidma taż-żamma tal-paċi f’pajjiżi fejn hemm bżonn, partikolarment fil-Libanu, u qal li hu importanti li jsir investiment f’dawn in-nies.

Hu sostna li dawn is-suldati qed iwettqu rwol importanti u sellem ukoll lill-familji ta’ dawn is-suldati. Dawn il-familji għandhom ikunu informati kontinwament bis-sitwazzjoni tas-suldati familjari tagħhom.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li dawn is-suldati qed ikollhom problemi minħabba kwistjonijiet personali dwar l-assigurazzjoni li jkollhom ma’ ditti privati. Jeħtieġ li s-suldati li l-gvern jibgħat biex iwettqu l-policies barra mill-pajjiż, ikollhom ir-rispett kollu kemm hu kif ukoll lill-familji tagħhom.

Darren Carabott tkellem dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali u qal li n-newtralità kostituzzjonali għandha tkun rispettata. Il-politika Maltija favur il-paċi għandu jkun mogħtija prijorità, sostna Darren Carabott, li kompla li kien hemm diskussjonijiet li fihom Malta qorbot lejn in-NATO.

Hu qal li s-sigurtà u d-difiża huma kwistjonijiet ta’ bżonn u żied li s-sovranità ta’ Malta u tal-UE għandha tgawdi minn rispett ta’ messaġġ ta’ difiża u sigurtà. Jeħtieġ gwida dwar id-direzzjoni ta’ Malta.

Darren Carabott qal li Malta mhijiex parti mill-Operazzjoni IRINI dwar l-armamenti fin-naħa ta’ fuq tal-Afrika, u staqsa jekk Malta bidlitx il-pożizzjoni tagħha. Malta għandha turi li kapaċi tikkontribwixxi waqt li tissalvagwardja n-newtralità, sostna Darren Carabott, appella biex qabel l-elezzjonijiet ma jiddaħħalx il-ħsieb li xi partit jixtieq li Malta tidħol fi gwerra.