Lokali Qorti

IL-PROPAGANDA FUQ IL-PBS: Il-Gvern irreklama slogans politiċi u mhux spots ta’ informazzjoni

Il-Gvern irreklama slogans politiċi u mhux spots politiċi li jagħtu l-informazzjoni dwar il-miżuri li fih il-budget. Din mhux l-ewwel darba li l-Qorti sabet lill-PBS ħati ta’ żbilanċ fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista. Hemm distinzjoni bejn spots politiċi u spots ta’ informazzjoni.

Dan ingħad mill-Avukat tal-PN Paul Borg Olivier meta quddiem l-Imħallef Mirian Hayman beda jinstema’ l-mandat ta’ inibizzjoni li ressaq il-PN kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir dwar il-Budget fejn qed jilmenta li huma “ta’ natura partiġjana politika”.

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili diġà laqgħet b’mod proviżorju t-talba tal-PN fejn l-Awtorità tax-Xandir ukoll ġiet ordnata ma tħallix lill-PBS ixandar dan il-kontenut, liema spots iżda baqgħu għaddejjin. Il-PN qal li dan jikser ir-regolamenti tax-xandir u l-obbligi kostituzzjonali tal-PBS sabiex l-aħbarijiet ixandarhom b’mod imparzjali.

Il-partit qed jgħid fil-mandat, li l-PBS xandar reklami sponsorjati mill-Gvern li ma kellhomx kontenut informattiv imma messaġġi partiġjani u politiċi. L-Avukat Borg Olivier fit-tratazzjoni tiegħu qal li fl-2021, qabel il-budget, kien hemm ukoll madwar sitt spots politiċi simili u l-Awtorità tax-Xandir kienet ħarġet akkużi. Dan kollu seħħ jum qabel il-budget meta l-udjenzi kienu qed ilaħħqu l-200,000 telespettatur.

Qal li dakinhar l-Awtorità tax-xandir kien tat raġun lill-PN iżda fuq dan il-każ riċenti l-Bord għadu ma ddeċidiex, xi ħaġa li qabel magħha l-Avukat Mark Refalo ,f’isem l-Awtorità, li saħaq li l-Bord għadu ma wasal għal ebda deċiżjoni.

Dr. Edward Gatt għall-PBS, qal li x-xandir nazzjonali jingħata liċenzja mill-Gvern u jrid ibaxxu rasu għal dakli jordnalu li jagħmel. Għall-għan jekk hux qed ikun imparzjali, dan għandha tarah l-Awtorità tax-Xandir fejn hi finalment tiddeċiedi jekk għandux ikun hemm rimedju.

L-Avukat Borg Olivier qal li l-azzjoni min-naħa tal-Gvern fuq dak li xandar, kienet waħda ta’ azzjoni sproporzjonata. L-Avukat Edward Gatt, għall-PBS, ma qabilx mal-fatt li l-Avukat Borg Olivier semma l-każijiet tal-passat li l-PN kien il-vittma tax-xandir nazzjonali fejn l-istess Awtorità tax-Xandir ħarġet akkużi kontra l-PBS.

L-Avukat Gatt qal ukoll li l-budget mhux eżerċizzju politiku imma huwa xi ħaġa ta’ interess nazzjonali. Hawn Dr. Borg Olivier ma qabilx u qal li l-budget huwa politiku u jekk ma jgħaddix jaqa’ l-Gvern. L_Avukat tal-PN qal li l-kontenut politiku min-naħa tal-Prim Ministru, kien wieħed qawwi u politiku u kien ta’ kampanja tematika u dan meta l-budget għadu lanqas biss għadda,

Issemma wkoll il-fatt li s-slogans politiċi għandhom ikunu ugwali għall-partiti, mhux wieħed jieħu vantaġġ fuq l-ieħor. L-Avukat Gatt semma’ wkoll il-passat fejn skont hu dawn l-ispots ilhom isiru minn amministrazzjonijiet differenti.

Dr. Gatt qal li issues bħad-divorzju u l-abort huma ta’ natura politika u qal li jekk il-Qorti tilqa’ l-mandat tal-PN, tkun qed tpoġġi sarima fuq il-Gvern, xi ħaġa li diġà saret għax il-Qorti kif tagħmel dejjem mal-preżentazzjoni tiegħu, tilqa’ l-mandat b’mod proviżorju.

Il-PN permezz tal-Avukat tiegħu kkwota r-ruling tal-Qorti Kostituzzjonali tas-sena l-oħra li fih, kemm il-PBS u l-BA kienu nstabu li kisru d-drittijiet fundamentali, bil-konsegwenzi li l-ispejjeż kollha kellhom jitħallsu mill-BA.

Dwar il-mandat, il-Qorti mistennija tiddeċiedi l-ġimgħa d-dieħla filwaqt li qalet li tisma’ xi xhieda dwar disprezz b’rabta mal-istess każ fil-25 ta’ Novembru fis-2pm fejn għandhom jixhdu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir Joanne Grima, iċ-Chairman Frank Farrugia, iċ-Chairman tal-PBS Keith Chetcuti u Charles Dalli, Kap Eżekuttiv tal-PBS.