Filwaqt li l-Prim Ministru biddel għall-konvenjenza politika tiegħu r-retorika li juża għall-kwalità, ftit li xejn irid jerfa’ xi tip ta’ responsabbiltà jew juri bidla fl-attitudni tiegħu – tant li issa spiċċa jwaddab il-kriżijiet tiegħu fuq il-privat.
Għal xhur sħaħ il-poplu Malti u Għawdxi ilu jisħaq dwar il-fatt li pajjiżna qed ikollu d-drenaġġ fil-baħar. Dan apparti li d-drenaġġ qed ifur fit-toroq ukoll minħabba l-fatt li l-Gvern ta’ Abela ma investiex biżżejjed fl-infrastruttura tal-pajjiż biex tlaħħaq maż-żieda qawwija fil-popolazzjoni li wassal għaliha l-mudell ekonomiku tiegħu.
Il-kriżi tad-drenaġġ mhux biss tinsab fuq ilsien in-nies u hija problema li huwa konxju tagħha kulħadd, iżda fl-aħħar jiem saħansitra tkellem dwarha l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Għaldaqstant, it-Tlieta filgħaxija Net News staqsa lill-Prim Ministru min qiegħed jgħid il-verità – jekk hux hu, li qed jisħaq kontinwament li mhux jintefa’ drenaġġ fil-baħar, jew Joseph Muscat.
Abela insista li hu ma jweġibx lil Muscat iżda lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, iżda meta ppressat bid-domandi ta’ Net News, il-Prim Ministru semma’ biss każ wieħed – fejn fl-aħħar ammetta li twaddab id-drenaġġ fil-baħar. Iżda xeħet il-ħtija kompletament fuq is-settur privat.
Fl-aħħar xhur kienu diversi l-lokalitajiet li raw drenaġġ ifur fit-triq quddiem ir-residenzi tan-nies, b’irwejjaħ jintnu partikolarment mal-kosta tal-Lvant.
Il-Gvern qed jibqa’ jinsisti li mhux qed jarmi drenaġġ fil-baħar, għalkemm il-Qorti Ewropea ddikkjarat li fi snin li għaddew il-Gvern tal-Labour, fil-verità, xeħet drenaġġ fl-ibħra tagħna.
//= $special ?>