Wara li matul l-aħħar ġimgħat is-sitwazzjoni tat-traffiku matul il-ħinijiet tal-ġurnata fi Triq l-Imqabba u Triq Bur il-Kbir fis-Siġġiewi qed ikun hemm konġestjoni ta’ traffiku, u numru ta’ vetturi jridu jistennew, isuqu lura jew iċedu lil xulxin, is-Sindku tas-Siġġiewi ressaq mozzjoni li l-Kunsill approva, b’diversi proposti lill-awtoritajiet li jgħinu t-traffiku f’dawn it-toroq imsemmija.
Il-mozzjoni approvata tirrimarka li:
Billi numru ta’ sewwieqa qed jużaw dawn it-toroq bħala rotta alternattiva minn naħa ta’ isfel ta’ Malta għan-naħa ta’ fuq u vice-versa, sabiex jevitaw toroq arterjali u distributorji oħra;
Billi din is-sitwazzjoni qed twassal għal problemi ta’ aċċess għar-residenti tas-Siġġiewi, li jsibu traffiku wieqaf meta jkunu għadhom lanqas biss ħargu mil-lokalità tagħhom;
Billi din is-sitwazzjoni qed twassal biex numru ta’ vetturi, b’mod partikolari vetturi kbar HGV; sabiex jużaw il-qalba tas-Siġġiewi, u ċioé, toroq residenzjali u jevitaw it-traffiku mwaħħal fi Triq Bur il-Kbir;
Billi Infrastructure Malta diġá għamlu eżerċizzju simili ta’ twessieh fi Triq it-Tigrija u Triq ta’ Ħal Farruġ, liema toroq imissu ma’ Triq l-Imqabba u Triq Bur il-Kbir, rispettivament;
Billi Infrastructure Malta għal dawn l-aħħar snin diġá kellhom il-pjanti teknici tax-xogħol bżonjuż;
Billi fl-aħħar leġiżlatura ta’ dan il-Kunsill Lokali diġá kienu seħħew diskussjonijiet preliminari dwar il-possibbiltá li jsir u jibda dan il-proġett bl-imsemmija interventi;
Billi dan qed iwassal mhux biss għal traffiku mwaħħal imma wkoll għal nuqqas ta’ sigurtá u immaniġġjar xieraq;
Għaldaqstant, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi mlaqqa’ fit-28 ta’ Ottubru 2023 jirriżolvi li għandu jitlob lil Ministru tat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta sabiex, skont pjanijiet u disinji li huma diġá fasslu, jipproċedu bl-implimentazzjoni.
Jirriżolvi wkoll li għandu jitlob lill-Ministru tat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi u
l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, sabiex bħala entitá regolatur u responsabbli mill-qasam
tat-traffiku u l-immaniġġjar tiegħu, ipoġġu bħala prijoritá dawn iż-żewġ toroq imsemmija
fil-qafas tal-vehicular road network ta’ pajjizna.
Jirriżolvi li għandu jitlob l-intervent tal-membri parlamentari kollha eletti mid-distrett li
minnu jifforma s-Siġġiewi sabiex b’interess għar-residenti tas-Siġġiewi jaraw li jiskatta
dan il-proċess mill-aktar fis għal road network ta’ kwalitá fil-lokalitá tas-Siġġiewi;
Kopja ta’ din ir-riżoluzzjoni kif approvata, għandha tintbagħat lill-Prim Ministru ta’ Malta, lill-Ministru tat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi, lill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, lill-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, lill-Membri Parlamentari kollha eletti mid-distrett li minnu jifforma parti s-Siġġiewi, kif ukoll tiġi ppubblikata bħala stqarrija għall-mezzi tax-xandir.
Is-Sindku tas-Siġġiewi Julian Borg ippropona din il-proposta filwaqt li l-Viċi Sindku Ryan Cachia ssekonda flimkien mal kunsilliera Francine Farrugia u Charles Vassallo.