Beppe Fenech Adami, PN
Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Politika Barranija Beppe Fenech Adami kkritika l-mod kif il-Prim Ministru Robert Abela qed jappunta ambaxxaturi Maltin minħabba problemi u ġlied li għandu fil-PL u fil-Gvern, u mhux fuq il-merti diplomatiċi tagħhom.
Fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Beppe Fenech Adami qal li l-PN jawgura lill-President Amerikan Donald Trump għar-rebħa elettorali tiegħu u sostna li l-elezzjoni kienet dominata mill-immigrazzjoni, l-għoli tal-ħajja u s-sigurtà.
Dawn huma suġġetti ta’ interess għall-poplu Malti, sostna Beppe Fenech Adami, li sellem ukoll il-Presidenza ta’ Joe Biden li kienet mimlija sfidi fosthom il-pandemija, il-bidu ta’ gwerra fl-Ukrajna, it-tmiem tal-preżenza Amerikana fl-Afganistan u l-esklazzjoni tal-gwerra fil-Lvant Nofsani.
Din il-presidenza kienet waħda li fiha ssaħħet il-ħbiberija bejn Malta u l-Amerika u li fiha l-Amerika sostniet il-pożizzjonijiet kuraġġjużi ta’ Malta fuq livell internazzjonali partikolarment fin-NU fi żmien il-presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà.
Beppe Fenech Adami semma’ kif l-Ambaxxata Amerikana f’Malta fakkret il-qtil ta’ Daphne Caruana Caruana fejn enfasizzat l-importanza tal-libertà tal-istampa u l-importanza li ssir ġustizzja dwar dan il-qtil. Hu espriema tama li l-ħbiberija bejn Malta u l-Amerika tkompli tikber fosthom b’investiment Amerikan f’Malta.
Id-deputat Nazzjonalista qal li hemm ħafna niċeċ ekonomiċi li jistgħu jissaħħu u li fihom jista’ jkun hemm iktar kollaborazzjoni. Hu awgura wkoll lill-Kummissarju Ewropew il-ġdid ta’ Malta, Glenn Micallef, għall-ħatra tiegħu fl-UE u qal li l-Oppożizzjoni lesta tkun ta’ spalla għalih għall-ġid tal-pajjiż.
Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni qal li fid-dinja moderna u iktar interkonnetta, ir-rwol tad-diplomazija qed isir iktar importanti. Hu kompla li Malta tiddependi iktar minn qabel fuq il-ħidma diplomatika tad-diplomatiċi Maltin biex dawn jippromwovu l-interessi Maltin. Huma jridu jipproteġu s-sovranità tal-pajjiż quddiem l-isfidi kbar li għandu l-pajjiż.
Fl-okkażjoni tas-60 sena mill-Indipendenza, Malta għad għandha diplomatiċi li jagħmlu unur billi jkollhom vuċi li tinstema’ u tħalli t-timbru tagħha. Dawn jistgħu jkunu katalisti għal bidliet kbar, sostna Beppe Fenech Adami, li kompla li Malta tista’ tkun katalista biex ikunu indirizzati l-isfidi internazzjonali u reġjonali bħal dawk fil-Lvant Nofsani u fil-Libja. Malta għandha tuża l-influwenza politika tagħha biex tinstab soluzzjoni.
Beppe Fenech Adami kompla li l-pajjiż għandu diplomatiċi kapaċi li sfortunatment qed jitwarrbu u jkunu maqbuża meta jkun hemm l-opportunitajiet.
Hu sostna li l-gvern qed iwettaq ħatriet politiċi oxxeni fosthom tal-Eks Ministru Aaron Farrugia bħala ambaxxatur li qabel kien ministru li falla bħala ministru responsabbli mit-toroq.
Quddiem dan il-falliment, il-Prim Ministru kellu jneħħih iżda biex għamel hekk, il-Prim Ministru ordna lill-Ministru għall-Affarjiet Barranin biex jappunta lil Aaron Farrugia bħala ambaxxatur. Dan hu skandaluż u mhux korrett; aktar u aktar meta Aaron Farrugia żamm is-siġġu tiegħu bħala deputat. Din hi sitwazzjoni redikola ta’ deputat li hu wkoll ambaxxatur. Qed indaħħku d-dinja bina!, sostna Fenech Adami.
Il-gvern qed joħloq inġustzzji għad-diplomatiċi meta dawn jinqabżu biex jinħatru nies tal-gvern, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li l-ħatra tad-deputat Laburista Randolph Debattista hi wkoll skandaluża.
Hu spjega kif dan seħħb wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2024 meta kien hemm ġlied kbir fil-PL biex tintrefa’ r-responsabbiltà għar-riżultat elettorali. Dan wassal biex il-Prim Ministru dawwar il-kanuni tal-PL u tal-partitarji fuq id-Deputat Laburista Randoph Debattista u tefa’ r-responabbiltà kollha fuqu.
Id-deputat Nazzjonalista spjega kif Debattista tneħħa minn Kap Eżekuttiv tal-PL iżda kien appuntat ambaxxatur. Għall-kuntrarju ta’ Aaron Farrugia, l-ordni li ngħatat lill-Ministru Ian Borg kienet li Randolph Debattista jkollu jirriżenja minn deputat għalkemm għadu jirreżisti. Hekk jaħdem il-Gvern; addio demokrazija, sostna Beppe Fenech Adami.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-immigrazzjoni se tibqa’ tiddomina l-aġenda tal-UE u qal li l-UE għandha dritt u dover li ssaħħaħ is-sigurtà fuq il-fruntieri biex jitwaqqaf id-dħul irregolari tal-persuni.
Il-PN jemmen li għandu jiġġieled lit-traffikanti kriminali li jisfruttaw lin-nies fejn kull stat għandu jassigura li dawn l-atti tat-taffikanti jkunu żmantellati.
Il-PN jemmen li għandha tkun sistema effiċjenti fejn persuni li ma jikkwalifkawx għall-protezzjoni jkunu ripatrijati f’pajjiżhom. Għandha tiżdied ukoll il-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi ta’ orġini. Fl-2023 l-immigrazzjoni qabżet it-350,000 persuna; din hi sfida tal-UE kollha u mhux ta’ xi pajjiż partikolari u hi piż li għandu jintrefa’ minn kulħadd. Kull pajjiż għadu jerfa’ sehemu f’din il-problema.
Beppe Feench Adami kompla li l-gvern hu konfuż u kontradittorju fl-immigarzjzni fejn fl-UE l-Prim Ministru jitkellem b’mod u f’Malta jitkellem b’mod ieħor.
Dan iseħħ anki bejn il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-MEPs Laburisti. Dan seħħ ukoll meta l-Prim Ministru f’Malta qal li hu favur il-ħolqien ta’ hubs barra mill-UE waqt li fl-istess nifs id-Deputat Mexxej Laburista u MEP, fil-Parlament Ewropew kien qed jieħu pożizzjoni kontra dan fost is-Soċjalisti Ewropew.
Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-invażjoni Russa fl-Ukrajina u qal li l-PN jikkundanna din l-aggressjoni Russa u l-ħtif ta’ tfal Ukreni innoċenti. Il-PN jinsisti li l-gvern Russu jirtira l-forzi tiegħu kollha immedjatament u bla kundizzjoni mill-Ukrajna. Dan biex il-paċi terġa’ tirritorna fl-Ewropa; liema paċi għandha tkun ibbażata fuq il-ġustizzja.
Dwar it-traġedja fil-Lvant Nofsani, Beppe Fenech Adami kkundanna l-attakk tal-Ħamas f’Iżrael sena ilu u l-attakki f’Gaza fejn inqatlu 40,000 Palestinjan. Il-Ħamas mhuwiex il-poplu Palestinjan u l-poplu Palestinjan mhuwiex il-Ħamas. Hu qal li d-drittijiet ta’ Iżrael li jiddefendu lilhom innfushom mhumiex dritt biex jinqatlu nies Palestinjani.
Beppe Fenech Adami kompla li l-għajnuna umanitarja għandha tibqa’ tasal lill-poplu Palestinja u appella lill-Gvern biex jikkundanna deċiżjoni li ħa deċiżjoni tal-parlament Iżraeljan f’dan ir-rigwrad. Hu qal li s-sitwazzjoni llum qed teskala fosthom fil-Libanu.
Il-PN jappella għall-waqfien mill-ġlied u għall-ħelsien tal-ostaġġi. Is-soluzzjoni għal din il-problema hi li jkun hemm żewġ stati, sostna Beppe Fenech Adami, li appella lill-Gvern Malti biex jirriknoxxi l-Istat Palestinjan. Il-gvern qed jibgħat messaġġi diverġenti anki f’dan ir-rigward fejn il-Prim Ministru jgħid li l-Istat Palesnjan ikun rikonoxxut meta jkun il-waqt, iżda d-Deputat Mexxej Laburista japprova li l-Istat Palestinjana jkun rikonoxxut immedjatament.
Hu kompla li l-2025, Malta se tfakkar is-60 anniversarju minn meta saert membru tal-Kunsill tal-Ewropa. Dan kien messaġġ b’saħħtu li pajjiż żgħir bħal Malta kien determinat li jdaħħal il-valuri tal-libertà u r-rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini Maltin. Jeħtieġ li d-deputat Maltin jkollhom l-għajnuna neċessarja fil-ħidma tagħhom fil-Kunsill tal-Ewropa, sostna Beppe Fenech Adami.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN għadu ma jafx x’inhuma l-pjani tal-gvern dwar il-Kunsill tal-Ewropa għaliex qed jinżamm fl-għama. Hu sellem il-memorja ta’ Lorenzo Vella bħala rappreżentant ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa.
Beppe Fenech Adami tkellem dwar il-Maltin ta’ barra u qal li dawn riżorsa importanti. Għalhekk il-Kunsill tal-Maltin imwaqqaf jista’ jkun iktar effettiv għaliex dan jiltaqa’ biss darba fis-sena. Hu qal li Gvern Nazzjonalista jirrispetta lid-diplomatiċi Maltin għaliex jemmen fihom u ma jidħakx bihom. Il-gvern issa skopra li hemm bżonn qabża fil-kwalità biex Malta jkollha politika barranija li tagħmel unur, sostna Beppe Fenech Adami.
//= $special ?>