Lokali Qorti

Il-vittma tgħid li l-vizzju tax-xorb u l-użura wassal biex żewġha jagħmlilha ħajjitha nfern

Mara li kienet tinsab f’xifer il-mewt wara li qalgħet diversi daqqiet ta’ sikkina mill-eks raġel tagħha, qalet lill-Qorti li żewġha kellu l-vizzju tax-xorb u l-użura u li kien jagħmlilha ħajjitha nfern. Qalet li dakinhar tal-inċident ħareġ sikkina b’manku tal-injam u beda jagħtiha biha.

Sostniet li kien faqalha l-pulmun, l-istonku, għonqha u sidirha. Ommha ppruvat teħodlu s-sikkina biex tgħinha, fejn ukoll spiċċat ħażin fejn sofriet minn ġrieħi f’idha għax qabdet is-sikkina mix-xafra. “Waqt li kien qed jagħtini bis-sikkina, beda jgħidli: “mut, mut”. Meta fettillu waqaf u telaq, spiċċajt nitkaxkar sat-telefon u ċempilt jien stess għall-ambulanza.

Dan irriżulta meta l-Erbgħa filgħodu kompla jinstema’ l-ġuri li fih raġel jinsab mixli li pprova joqtol lil martu b’daqqiet ta’ sikkina fir-residenza ta’ omm il-vittma, f’Birkirkara. Fuq ordni tal-Qorti l-ebda ismijiet involuti ma’ dan il-każ ma jistgħu jissemmew fil-midja.

Il-ġuri qed isir fil-konfront ta’ raġel ta’ 56 sena minn Birkirkara, akkużat li 13-il sena ilu pprova joqtol lill-eks martu. Wara x-xhieda tal-omm u tabib, ġie ddikjarat fil-Qorti li baqax aktar xhieda biex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-ġuri.

Il-vittma, qalet li hi omm ta’ żewġt ibniet li dak iż-żmien tal-allegat attentat ta’ qtil, kellha 41 sena. Viżibbilment kommossa, qalet li għamlet żmien tgħix fix-xelter f’Dar Merħba Bik kif ukoll f’Għabex, f’Għawdex, wara li fiż-żwieġ kien hemm diversi problemi fosthom il-vizzju tax-xorb u tal-użura.

Sostniet li kien hemm żmien li ma kienx ikollha ikel fil-fridge tad-dar minħabba problemi finanzjarji li l-familja kellhom minħabba l-vizzji ta’ żewġha. Sostniet ukoll li l-eks raġel tagħha kellu tensjoni kbira minħabba d-djun kbar li kellu, u kien hemm istanzi li kien jixrob biex jinsa sakemm jintilef minn sensieh.

Qalet li darba fost oħrajn l-akkużat kien iċempillha u jheddidha li meta toħroġ mix-xelter se jtajjarha bil- karozza u tispiċċa f’siġġu tar-roti. Tenniet li hi riedet tibda proċeduri ta’ separazzjoni għax ma setgħetx tibqa’ tgħix f’dik il-ħajja, imma hu qatt ma kien jaċċetta li dan isir.

Qalet li tant kemm kien bniedem perikoluż li anke l-impjegati ta’ Dar Merħba Bik kienu jibżgħu minnu għax mhux l-ewwel darba li kien jagħmel sigħat sħaħ jgħajjat u jħuf mal-akkwata tax-xelter. Imbikkma, hi qalet lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li quddiemha qed jinstema’ l-ġuri, li ftit qabel ma telqet mid-dar, l-akkużat waddbilha mannara.

Il-mara kompliet tgħid li meta giet trasferita mix-xelter Dar Merhba Bik għall-Għabex, kienu marru għaliha l-Pulizija u rikbet fis-seat ta’ wara tal-karozza u qagħdet mimduda ħalli ħadd minn barra tal-vettura ma jaraha li kienet se titlaq mix-xelter. 

Saħqet li kienet immisjajt wisq lit-tfal għax dejjem ridithom magħha, u kien għalhekk li spiċċat ħarġet mix-xelter ta’ Għawdex għax ma felħitx ma tarahomx iktar. Qalet li għamlet kuraġġ u ħasset li kellha tħalli f’idejn il-bambin.

L-Imħallef Scerri Herrera staqsietha dwar meta l-akkużat heddidha fil-binja tal-Qorti wara seduta li kellhom, bil-mara twieġeb fl-affermattiv u qalet li qalilha li kien se jsibha barra u jagħmel li għandu jagħmel.

Ix-xhud qalet li kollox li jgħid hu fejn kien possessiv wisq, kienet tibża’ toħroġ mid-dar għax kien isegwiha l-ħin kollu. Darba fost oħrajn għamlet ftit kuraġġ u ħarġet mill-bieb ‘il barra. Iżda kien sabha u rassha bil-karozza.

Semmiet ukoll episodju li seħħ f’Wied iż-Żurrieq, meta ltaqgħet l-ewwel darba mal-ħabib tagħha fuq Facebook. Qalet li kien kumpanija għaliha waqt li kienet Għabex, u kien jagħmlilha kuraġġ kbir. Kif ħarget mix-xelter ta’ Għawdex, it-theddid ippersista, b’ittri tat-twerwir u b’xi drabi ssib vandaliżmu mal-karozza tagħha.

Il-mara qalet ukoll li darba fost oħrajn kellha problemi fit-tyers tal-karozza u l-ħabib tagħha qalilha biex tmur iż-Żurrieq biex isewwihom. Fiż-Żurrieq, il-koppja ħallew il-karozza tal-vittma għand il-mekkanik u marru jieħdu kafè sakemm isir ix-xogħol fuq il-vettura. Xħin daħlu fil-karozza, il-vittma talbet lill-ħabib tagħha jsakkar il-karozza, tant kienet tibża’.

Qalet li f’ħin minnhom tfaċċa l-eks raġel, wara li segwiha għand tat-tyers u staqsa lill-mekkanik fejn kienet marret, u meta sabha l-akkużat Ipprova jiftaħ il-bieba tal-karozza, bil-ħabib tagħha jgħidlu biex ma jażżardax.

Kif telqu minn fuq il-post u marru lura għand tat-tyers, sabet lill-akkużat hemm flimkien ma’ raġel ieħor. Wara ddeċidiet li tagħmel rapport ieħor mal-Pulizija fost it-13 li kienet għamlet qabel fil-konfront tal-eks raġel tagħha, għax ħasset li se jinqala’ l-inkwiet.

Lura lejn id-dar, kienet akkumpanjaha l-ħabib tagħha fuq struzzjonijiet tal-Pulizija. Fuq barra tar-residenza kien hemm ommha tistenniha, bit-tnejn jidħlu għall-kafè. Kif kienet qed tħawwad il-kafè bil-kuċċarina semgħet l-antiporta tinfetaħ, u hawn ħasbet li kienu daħlu biex jisirquhom, bil-ħoss li għamlet, żiedet ix-xhud.

Hawn hi semgħet persuna dieħla bis-salvaġġ u lemħet lill-eks raġel tagħha jimbotta lil ommha. Bdiet tipprova tevitah u ddur mal-mejda biex ma jaqbadhiex, iżda qabad il-pultruna, waddabielha għal rasha u laqatha.

Spiċċat biex stordiet u r-raġel infexx jagħtiha ġo rasha u bis-sieq b’kemm kellu saħħa. Kien hawn li ħareġ sikkina b’manku tal-injam u beda jagħtiha biha. Ommha ppruvat toħodlu s-sikkina, bl-anzjana tispiċċa ssofri ġrieħi f’idha għax qabdet is-sikkina mix-xafra.

Wara x-xeba’ sikkina, spiċċat l-isptar u anke għamlulha l-griżma. Fl-isptar għamlet 10 ijiem tissielet għal ħajjitha. Dwar l-inċident l-ieħor li kien seħħ f’Pembroke, il-mara rrakkontat li l-akkużat mar id-dar għal waħda minn uliedhom biex joħroġha.

Lill-ommha t-tifla qaltilha li missierha ħadha Pembroke, iltaqa’ ma’ raġel fejn garaxx u pprova jixtri arma tan-nar tiswa €1,000 mingħandu. “Ħa joqtlok żgur Ma”, qaltilha beżagħna t-tifla. Xehed ukoll it-Tabib Foresiku Mario Scerri. Spjega li dakinhar tal-allegat reat, xogħlu kien li jeżamina lil vittma u lil ommha li kelli wkoll xi ġrieħi.

Qal li l-vittma kienet fit-Taqsima tal-Emerġenza, b’maskra tal-ossiġnu, b’diversi daqqiet evidenti fuq wiċċha u b’daqqiet ta’ arma taqta ‘u bil-ponta f’għonqha, f’darha, f’sidirha, b’uħud minnhom aktar fondi minn oħrajn. 

Dawk preżenti fl-awla setgħu jaraw aktar 33 ritratt ta’ ġisem il-vittma, li kellu wkoll bosta tbenġil, abbrażżjonijiet u leżżjonijiet allegatament ikkawżati mill-akkużat waqt l-aggressjoni. Dr Scerri qal li s-sikkina ppenetrat il-pulmun u anke fil-fwied.

Fuq l-anzjana, it-Tabib Scerri sab diversi leżżjonjiet magħmula mis-sikkina u kklassifikati bħala ġrieħi ħfief. Spjega li dawn il-feriti difensivi ġew ikkawżati minħabba l-konsistenza tad-demm fuq ix-xafra, waqt li ttieħdet minn id l-akkużat.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kenneth Camilleri u Kaylie Bonett f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat qed tidher l-Avukat Josephine Mifsud Farrugia waqt li l-Avukat tal-għajnuna legali Alexandra Mamo, qed tidher għall-vittma.