Internazzjonali

Ir-rebħa ta’ Trump fl-Istati Uniti: Ewforija fost ir-Repubblikani, bid-Demokratiċi delużi u diżappuntati

Donald Trump,  bħala l-kandidat tal-Partit Repubblikan għall-White House, rebaħ id-dritt biex imexxi pajjiżu mill-ġdid għal erba’ snin oħra. Dan wara li hu għeleb lil Kamala Harris, l-isfidant tal-Partit Demokratiku, fl-elezzjoni tat-Tlieta għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

It-terminu tiegħu bħala President jibda uffiċjalment mill-bidu ta’ Jannar u meta JD Vance, ir-Running Mate tiegħu, hu konfermat bħala l-Viċi President Amerikan ġdid.

Intant, ir-rebħa tfisser fost oħrajn theżżiża kbira għad-dinja minn aspett ġeopolitiku u bl-Istati Uniti għandha taqbad direzzjoni fissa fid-diversi oqsma – inklużi l-ekonomija u l-politika barranija. Direzzjoni li bilfors trid tħalli impatt għall-pajjiżi l-oħrajn anki mill-kunċett ta’ relazzjonijiet bilaterali.

Filwaqt li l-pronostiku ta’ qabel l-elezzjoni indika li Trump u Harris kienu qegħdin ras imb ras f’numru ta’ Stati, ir-rebħa tal-kandidat Repubblikan – li kien diġà President tal-Istati Uniti bejn l-2016 u l-2020 – ma setgħetx tkun aktar enfatika wara li ħareġ il-verdett tal-elettorat fl-Istati ewlenin ta’ North Carolina, Georgia u Pennsylvania.

Trump, kmieni dalgħodu, iddikjara r-rebħa quddiem folla ta’ sostenituri f’Palm Beach, fi Florida, u meta hu, aktar tard, qabeż sew il-270 siġġu li kellu bżonn fl-Electoral College biex jaċċerta mir-rebħa mija fil-mija.

Ir-riżultat hu wkoll umiljanti għal Kamala Harris li ladarba bdew deħlin ir-riżultati, ipposponiet diskors li kellha tagħmel lill-partitarji tagħha waqt li ħalliet lill-attivisti tal-kampanja tagħha jaġġornaw lill-partitarji delużi bl-iżviluppi. Dan waqt li hi marret f’lokalità sigrieta waqt li l-partitarji Repubblikani kienu qed jiċċelebraw l-aħbar tar-rebħa kbira.

Ir-ritorn ta’ Trump fil-White House, għaldaqstant,  qed jissemma bħala ‘comeback’ storiku, b’diversi Mexxejja tad-dinja, fostho il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-Prim Ministru Britanniku Keir Starmer, il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Kanċillier Ġermaniż, Olaf Scholz u l-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni jkunu fost l-ewwel li ferħulu għas-suċċess.

Meta kellem lill-folol tal-partitarji Repubblikani fi Florida, Trump kompla jenfasizza l-messaġġ ‘Let’s Make America Great Again’ (Ejja nirritornaw pajjiżna għall-qawwa li kienet) li ilu s-snin sinonimi mal-kampanji elettorali tiegħu. Hu sostna li l-Istati Uniti, fis-snin li ġejjin, għandha tgħaddi minn ‘era tad-deheb’ u li l-poplu, issa, tah mandat b’saħħtu u bla preċedent biex imexxi.

L-elezzjoni kienet tiddependi l-aktar fuq l-eletturi tal-Electoral College li l-kelma tagħhom, diversi drabi, tissupera anki l-appoġġ popolari fid-diversi Stati Amerikani.

Intant,  minn fost is-seba’ l-aktar Stati importanti – Pennsylvania, Georgia, Michigan, Nevada, Wisconsin, North Carolina u Arizona – magħrufin bħala Swing States, Trump hu diġà konfermat bħala rebbieħ f’North Carolina, Georgia, Pennsylvania u Wisconsin. Dan meta Trump qed igawdi wkoll vantaġġ f’Michigan, Nevada u Arizona.

It-trijonf għar-Repubblikani hu jerġa’ akbar peress li huma ħadu lura l-kontroll tas-Senat għall-ispejjeż tad-Demokratiċi wara li rebħu numru ta’ siġġijiet sinifikanti.