Internazzjonali

Iżrael: It-tkeċċija ta’ Gallant x’aktarx li sinonima mat-tkomplija tal-gwerra

Israeli Prime Minister Benjamin Netanyahu and Israeli Defense Minister Yoav Gallant attend a ceremony for the 70th cohort of military combat officers, at an army base near Mitzpe Ramon, Israel, October 31, 2024. REUTERS/Amir Cohen

It-tkeċċija ta’ Yoav Gallant minn Ministru tad-Difiża Iżraeljan tista’ tindika r-rieda ta’ Iżrael biex ikompli bi gwerra fit-tul kontra l-grupp terroristiku tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza, kif ukoll kontra l-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu.

Jidher anki li Gallant kellu diversi battibekki mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu li neħħih mill-kariga u wara l-istess Gallant kien baqa’ jinsisti biex il-Gvern jagħti prijorità lill-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani miżmumin mill-Ħamas u biex Iżrael itemm il-gwerra ta’ Gaza.

Is-suċċessr ta’ Gallant bħala Ministru tad-Difiża hu Israel Katz li sa ftit ilu kien il-Ministru responsabbli mill-Affarijiet Barranin ta’ Iżrael. Katz qed jidher li jaqsam il-fehma ta’ Netanyahu biex pajjiżu jinsisti fit-triq tal-gwerra sakemm jaċċerta mir-rebħa – iżda fil-verità hu m’għandu l-ebda esperjenza militari.

L-osservaturi politiċi qablu wkoll li bit-tkeċċija ta’ Gallant, il-Kabinett tilef l-aħħar Ministru li kien lest biex jikkonfronta lil Netanyahu f’sitwazzjonijiet li jirrikjedu bidla ta’ politika. U s-sitwazzjoni politika  qed tqajjem it-tħassib – anki ‘l hinn mill-pajjiż – u fi żmien meta Iżrael qed ikompli jiġġieled fuq il-fronti ta’ Gaza u l-Libanu, fost ir-riperkussjonijiet għar-reġjun sħiħ tal-Lvant Nofsani.