Lokali

“Jum wara l-ieħor qed jersqu aktar nies lejn il-PN”

L-imsieħba soċjali qed jingħaqdu magħna, qed nibnu pjan flimkien mal-poplu bi djalogu kontinwu – dan il-pajjiż ħaqqu direzzjoni ċara għal garanzija ta’ saħħa u kuntentizza.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt programm speċjali mxandar it-Tlieta filgħaxija fuq Net Television, li segwa l-indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament; b’diskors miżgħud b’attakki partiġjani.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li minkejja t-tgħajjir ta’ Abela xorta waħda – wara l-Budget – il-poplu sebaħ fit-traffiku u bi drenaġġ fil-baħar.

Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista issa ilu jitkellem għal aktar minn sentejn u nofs fuq kwalità ta’ ħajja aħjar. Insista li hu verament jemmen f’din is-soluzzjoni u mhux għall-konvenjenza politika bħall-Gvern.

Huwa insista li l-Partit Nazzjonalista għandu pjan serju li jkompli jkabbar l-ekonomija u joħloq aktar impjiegi għal uliedna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li dan il-pajjiż għandu bżonn direzzjoni serja li twassal għal tisħiħ tas-soċjetà u li tixpruna lil kulħadd ‘il quddiem.

Bernard Grech insista li ġurnata wara oħra qed jersqu aktar nies lejn il-Partit Nazzjonalista, sabiex l-isfidi tal-pajjiż verament insolvuhom flimkien.